Lokali Qorti

L-ebda ksur ta’ drittijiet dwar il-mod kif ġew arrestati l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha ta’ Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li ma sar l-ebda ksur ta’ drittijiet fil-konfront tal-aħwa Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat dwar il-mod kif sar l-arrest tagħhom b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Huma fetħu l-kawża fil-konfront tal-Avukat tal-Istat u l-Kummissarju tal-Pulizija. Fil-kors tal-kawża kienu awtorizzati jintevjenu l-armel u t-tlet itfal ta’ Daphne Caruana Galizia. Huma lmentaw li ma ġewx murija l-mandat tal-arrest la meta ġew arrestati taħt it-tinda tal-patata fil-Marsa fl-4 ta’ Diċembru 2017 u lanqas meta saru tfittxijiet mill-Pulizija f’San Pawl il-Baħar, l-Imsida u s-Siġġiewi fejn kienu joqgħodu.

Huma kienu qed jilmentaw ukoll mill-fatt li lanqas ma ġew infurmati dwar għaliex kienu qed jiġu arrestati. Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Joanne Vella Cuchieri qalet li ma sabet l-ebda lezjoni tad-drittijiet fundamentali tal-aħwa Degiorgio u Muscat fit-termini tal-artikoli 5 (1) u (2) u Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea Dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Lanqas ma kien hemm xi leżjoni fejn jidħlu l-Libertajiet Fundamentali u tal-Ewwel Artikolu tal-Ewwel Protokol anness mal-istess konvenzjoni, kif ukoll ma sabet l-ebda leżjoni tal-artikoli 37 u 38 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, u għalhekk ċaħdet it-talbiet kollha tagħhom. It-tliet irġiel tilfu l-kawża l-ispejjeż kollha.

L-Imħallef Vella Cuschieri kkonkludiet li ma kien hemm ksur fid-drittijiet tagħhom fl-arrest u fit-tfittxijiet. L-aħwa Degiorio għadhom qed jistennew li jgħaddu ġuri wara li jiġu fi tmiemhom il-ġbir tal-provi. Il-Kap tal-akkuża prinċipali fil-ġuri se tkun l-omiċidju ta’ Caruana Galizia, li seħħ f’Ottubru 2017. Vince Muscat diġa ġie kkundannat 15-il sena wara li ammetta l-involviment tiegħu fid-delitt. L-Avukat William Cuischieri deher għal aħwa Degiorgio filwaqt li l-Avukat Marc Sant deher għal Vince Muscat.