L-unika soluzzjoni li jidher li għandu l-Prim Ministru Robert Abela wara r-Rapport tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia hi li jipprova jinqata’ mill-passat politiku tal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat.
Fil-fatt, f’konferenza tal-aħbarijiet, Abela rrepeta għal diversi drabi li din li jmexxi hu hi Amministrazzjoni ġdida. Madankollu, hu jidher li mhux lest ikeċċi lil Muscat mill-Partit Laburista jew ineħħilu l-onorefiċjenzi li għandu.
Fil-fatt, mistoqsi mill-ġurnalisti dwar Muscat, hu fakkar biss li issa, m’għadux Prim Ministru u lanqas Membru Parlamentari. Iżda għall-mistoqsija ta’ NET News, hu ħarab milli jwieġeb jekk hux se jkeċċih minn Membru tal-Partit li llum imexxi hu.
Min-naħa l-oħra, Abela ħarab milli jwieġeb ukoll dwar jekk – meta jħares lura – jaħsibx li issa hu tard wisq jitlob apoloġija meta hu kien Konsulent ta’ Muscat fiż-żmien meta l-impunità kienet fl-aqwa tagħha. Minflok hu fakkar biss f’kemm ilu Prim Ministru.
Il-Prim Ministru ftaħar li l-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia qed issir meta diġà hemm persuna li nstabet ħatja u ngħatat sentenza ta’ priġunerija. Madankollu, ma qalx li dan seta’ jsir biss minħabba li l-persuna inkwistjoni ammettiet l-akkużi ħalli tingħata Maħfra dwar każ ieħor.
//= $special ?>