L-Avukat Michael Piccinino għadu kif ġie elett Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Huwa se jkun qed jokkupa din il-kariga wara li Francis Zammit Dimech għażel li ma jerġax jikkontesta sabiex il-kariga tkun f’idejn persuna aktar żagħżugħa. Michael Piccinino kiseb 77 vot favur, ħamsa kontra u żewġ astensjonijiet.
Minbarra l-kariga ta Segretarju Ġenerali, l-eżekuttiv ivvota wkoll ghal President tal-Eżekuttiv – kariga li issa mtliet minn Joseph Grech, filwaqt li l-kariga ta’ President tal-Amministrattiv issa hija f’idejn Graham Bencini. Grech kiseb 69 vot favur, 14 vvutaw kontra u kien hemm astensjoni waħda filwaqt li Bencini kellu 75 vot favur, 8 kontra u astensjoni.


Roselyn Borg Knight ser tkun qed terġa’ tokkupa l-kariga ta’ Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista. Hija kisbet 66 vot favur, 15-il vot kontra u tliet astensjonijiet.
Dan ifisser li issa dawn l-erba’ karigi kruċjali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista huma okkupati minn uċuh ġodda li se jkunu qed ikomplu jirriġeneraw il-Partit u jibdew paġna ġdida fl-istorja tiegħu.
