Lokali Qorti

Minn sentenza ta’ ħabs għal waħda sospiża fuq frodi għal mara li miexja fit-triq it-tajba

Mara ta’ 42 sena mill-Gżira li qed tiskonta għexieren ta’ pieni relatati l-aktar ma’ każijiet ta’ frodi ngħatat opportunità mill-Qorti tal-Appell Kriminali peress li jidher li miexja fit-triq it-tajba u qed tagħmel l-almu kollu biex tirriforma ruħha. Alexia Cross kien ġiet kundannata tliet snin ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati wara li kienet ammettiet li ħadet €71,000 b’qerq lil raġel li miegħu kellha relazzjoni, u li ffalsifikat il-firem tiegħu biex tiġbidlu l-flus mill-bank.

Is-sentenza ta’ ħabs ġiet sospiża wara li Cross appellat minnha fid-dawl tal-fatt li kienet ammettiet għall-akkużi u li kienet ikkoperat mal-Pulizija. Hija spjegat fl-appell li r-raġel li ffrodat kienet diġà ħallsitu lura parti mill-ammont, iżda ma setgħetx tkompli tħallsu minħabba li spiċċat il-ħabs fuq każi oħra.

“F’materja bħal dik in din il-Qrati tagħna kemm il-darba rrikorrew ghall-miżura ta’ bdil jew mitigazzjoni fil-piena jekk tiżbokka l-hekk imsejħa ‘window of opportunity’, ċirkostanza din li tfisser li l-imputati jew appellanti jkunu jafu jgħarfu l-valur tagħha u jisfruttaw il-klemenza tal-Qorti fis-sejbien tat-triq it-tajba jew jitilfu l-mira u jerġgħu lura għall-hajja kriminuża tagħhom”, qal l-Imħallef Giovanni Grixti.

Kompla li minn eżami tal-fatti kollha, inkluż il-Pre-sentencing Report, jidher illi din hija waħda minn dawk is-sitwazzjonijiet fejn Cross tista’ tkun kandidata tajba ghal-ħustizzja riparatriċi u riformattiva. Il-Qorti tal-Appell qalet li Cross setgħet teħel sa sebgħa snin ħabs, u l-ewwel Qorti kienet diġà kkunsidrat l-ammissjoni u l-koperazzjoni tagħha.

Madanakollu l-Qorti qieset ukoll li Cross tidher li qed tirriforma ruħha, fejn laqħet ftehim bil-miktub mal-vittma u mill-ħabs qed tħallsu ammont kull xahar. Il-Qorti qieset ukoll il-parir tal-uffiċjal tal-probation li Cross, li issa tixtieq tapplika għal parole, tingħata sentenza sospiża flimkien ma’ għajnuna. Il-Qorti għalhekk biddlet il-piena u kkundannat lil Cross sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Hija poġġiet ukoll lil taħt Ordni ta’ Superviżjoni għal erba’ snin u taħt Ordni ta’ Trattament għal sentejn.

Il-mara kienet ikkundannata tliet snin ħabs wara li kienet ammettiet li ħadet Lm30,565 (€71,000) b’qerq wara li kienet tiffalsifika firma u toħroġ ċekkijiet li ma jistgħux jissarfu. Alexia Cross kienet akkużata li fuq perjodu ta’ erba’ snin bejn l-2002 u l-2005 kienet tiġbed Lm300 fil-ġimgħa mill-kont ta’ raġel li llum għandu 72 sena.

Dan kienet tagħmlu billi tippreżenta ittra bil-firma tiegħu li fiha kien jawtorizzaha tiġbed dawn il-flus. Madanakollu l-firma kienet tiġi ffalsifikata minnha. Sadanittant Cross kienet tagħti wkoll lir-raġel ċekkijiet li kien isarrfilha, li iżda mbagħad kienu jibbawnsjaw u ma jissarfux.

Dan kollu baqa’ għaddej sakemm il-manager tal-HSBC fil-Gżira ġibed l-attenzjoni tal-klijent b’dak li kien għaddej. Il-Qorti tal-Appell ikkunsidrat il-fatt li Cross diġa qed tiskonta piena karċerarja fuq kawżi oħra u in rigward ressqet talba sabiex tingħata din is-sentenza peress illi tixtieq tapplika għall-parole

Meta l-appellanta tressqet fuq dan il-każ lura fis-sena 2008 diġa kienet misjuba ħatja ta’ delitti simili. Minn dakinhar naturalment għadda ħafna żmien tant li qed tiskonta pieni dwar kawżi li għaddew dwar reati kommessi wara is-sena 2008.

Il-Qorti qalet li qed tilqa’ is-suġġeriment tal-Uffiċċjal tal-Probation fir-rapport ferm dettaljat tagħha meta ssuġġeriet mhux li fil-konfront tal-appellanta jkun applikat l-Att dwar il-Probation, iża li tkun applikata sentenza sospiza fil-massimu tagħha oltre sanzjonijiet kawtelatorji ohra bhala miżuri ta’ għajnuna.

Dan huwa possibbli biss għaliex Cross ma ingħatatx l-akkuza tar-reċediva fl-akkużi kontriha. Kien għalhekk li l-uniku mod li dan jista’ jsir hu li tkun imnaqqsa l-piena u għalhekk filwaqt illi tilqa’ l-appell billi tirriforma s-sentenza appellata fejn tikkonfermaha f’dik il-parti li fiha l-ewwel Qorti sabitha ħatja u tvarjaha billi tħassarha f’dik il-parti li fiha kkundannatha għal terminu ta’ priġunerija ghal tliet snin.

Minflok ikkundannatha għal terminu ta’ priġunerija ta’ sentejn liema terminu ma jibdiex iseħħ ħlief jekk Cross tikkommetti delitt iehor punibbli bi priġunerija fi żmien erba’snin. Mill-istess Pre Sentencing Report jirriżulta li Cross għad jeħtigilha għajnuna u għalhekk qeħditha taħt Ordni ta’ Supervizzjoni għall-istess perjodu ta’ erba’ snin u Ordni ta’ Trattament għall-perjodu ta’ sentejn.