Lokali

Raġel fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ minn gallarija

Raġel minn Nepal spiċċa jissielet għal ħajtu wara li waqa’ minn gallarija tard l-Erbgħa filgħaxija.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-23:30 f’Telgħet Gwardamanġa, f’Tal-Pietà meta għal xi raġuni l-vittma ta’ 34 sena waqa’ madwar sular.

Fil-post ġie msejjaħ tim mediku tal-ambulanzi li ħa lill-barrani l-Isptar Mater Dei għal aktar kura fejn ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras li ħatret inkjesta filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet meħtieġa.