Lokali

“Responsabbiltà kollettiva tal-Kabinett ta’ Abela” – Bernard Grech

“L-impunità sserraħ ras il-kriminali li jistgħu jagħmlu li jridu għax moħħhom mistrieħ li hemm min jgħattilhom”.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt konferenza tal-aħbarijiet li ta ftit tal-minuti ilu, sigħat wara li kien ippubblikat ir-rapport tal-Bord tal-Inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fil-konferenza fil-bini tal-Parlament, Bernard Grech qal li dak li ġara lil Daphne Caruana Galizia jindika li fil-pajjiż għandna problema ta’ ġustizzja li minflok ma tipproteġi lil min suppost, tipproteġi lil min għandu l-poter.

Grech qal li bin-nuqqas ta’ azzjoni tal-Gvern fil-konfront ta’ dak li kienet qed tiżvela Daphne Caruana Galizia, ġie ffaċilitat dan l-assassinju. Dan minbarra l-fatt li l-ġurnalista ġiet iddemonizzata u merħija mingħajr protezzjoni.

Bernard Grech qal li l-istutuzzjonijet u l-awtoritajiet ma ħadmux kif suppost.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ jiddefendi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, iżda baqgħu jiddefenduhom u jipproteġuhom ukoll id-Deputati kollha tal-Labour, inkluż Robert Abela, li għażel lilhom u mhux lil Malta għax hekk kien jaqblilhom.

Il-Kap tal-PN qal li dawk involuti ma kellhom qatt jibqgħu fil-Kabinett. “Ħadd minnhom ma jista’ jsib skuża għal dak li għamel”. Ilkoll, kompla jgħid Grech, għandhom responsabbiltà kollettiva.

Issa Robert Abela irid jgħid min se jerfa’ r-respnsabbiltà għal dan in-nuqqas ta’ azzjoni. Issa mhux żmien il-kliem, imma ż-żmien tal-azzjoni vera.

Xi skużi se jsib Robert Abela biex iżomm miegħu lil dawn il-membri tal-Kabinett, staqsa Bernard Grech.

Dak li ġara lil Daphne għandu jiftħilna għajnejna lkoll. Qatt aktar m’għandna naċċettaw li waħda minna tkun f’riskju bħalma kienet Daphne.

Robert Abela għandu jitlob skuża mingħajr tidwir tal-kliem u mingħajr eċċezzjonijiet, għandu jiskuża ruħu ma’ kulħadd u għandu jaċċertana li se jkun qed japplika r-rakkomandazzjonijiet li sarulu mill-Bord tal-Inkjesta.

Robert Abela għandu jiċħad lil Joseph Muscat u jkeċċih mill-Partit Laburista għax hekk biss nistgħu nimxu ‘l quddiem.

Bernard Grech qal li Robert Abela għandu jneżża’ lil Muscat minn kull onorefiċenza u l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jieħu azzjoni biex il-kultura ta’ impunità li wasslet għal dan kollu tixxejjen.