Ekonomija Lokali

Tħassib dwar l-impatt tal-Greylist jekk jieħu fit-tul

Il-greylisting jista’ jżid l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u jkollu impatt fuq il-flussi tat-tranżazzjonijiet. Dan ingħad fi stqarrija maħruġa mill-Bank of Valletta meta ħabbru r-riżultati tal-ewwel sitt xhur tas-sena.

Ġie spjegat ukoll li mistennija żieda fil-monitoraġġ minn banek barranin, u insistew li jekk ir-riskju li nibqgħu fil-lista l-griża tal-Financial Action Task Force jsir realtà…jista’ jwassal għal konsegwenzi li jkomplu jtappnu r-relazzjonijiet internazzjonali.

Kelliema għall-Bank spjegaw li fl-aħħar xhur saħħew kontrolli fil-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja u tejbu s-sistemi għal monitoraġġ tal-klijenti.

Dan kien ikkonfermat ukoll miċ-Chariman tal-Bank Gordon Cordina fejn spjega li momentarjament il-greylisting mhux qed toħloq tħassib fl-immedjat għax il-Bank laqa’ għas-sitwazzjoni minn qabel…. madanakollu jekk l-istatus tal-greylisting jitwal b’mod sinifikanti, jista’ jkollu implikazzjonijiet importanti fit-tul għall-prestazzjoni tal-Bank.

Intant, il-Bank ħabbar titjib b’saħħtu fil-profitabbilità tiegħu b’madwar €30 miljun profitt qabel it-taxxa għall-ewwel sitt xhur tal-2021.

Dan filwaqt li ntqal li li l-prestazzjoni tal-bank kienet inevitabbilment ikkundizzjonata mill-inċertezza qawwija li ġabet magħha l-pandemija; waħda mir-riperkussjonijiet fit-tul tar-reżiljenza riċenti tal-ekonomija tal-pajjiż hija livell ogħla ta’ dejn pubbliku, li jeħtieġ li jiġi mmaniġġjat bir-reqqa matul is-snin li ġejjin.

Tags