Internazzjonali

Turkija: Tliet persuni mejta wara nar fl-inħawi ta’ Antalya

Mill-inqas 3 persuni mietu u iktar minn 100 sofrew ġrieħi hekk kif nirien kbar ħakmu l-inħawi ta’ Antalya, belt fin-Nofsinhar tat-Turkija li hija zona turistika popolari.

In-nirien bdew f’erba’ postijiet differenti fl-istess ħin u skont l-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Istat, għaddejja investigazzjoni minħabba suspetti serji li n-nirien setgħu tkebbsu apposta.

Min-naħa l-oħra, il-Ministru responsabbli mill-Agrikoltura qal li l-enfasi ewlenija bħalissa hi li jkunu miġġielda in-nirien li qed jinfirxu minħabba riħ qawwi li qed ilaħħaq il-50 kilometru fis-siegħa. X’wassal biex bdew dawn in-nirien u jekk hemm min hu responsabbli għalihom, ikun stabbilit wara.