Internazzjonali

Covid-19: Is-suldati jinfurzaw il-lockdown fil-belt Awstraljana ta’ Sydney

L-awtoritajiet fl-Awstralja rrikorrew għall-għajnuna ta’ mijiet ta’ suldati biex jgħinu jinfurzaw il-lockdown għall-Covid fil-belt ewlenija ta’ Sydney. Dan wara li epidemija tal-varjant ‘Delta’ li feġġet f’Ġunju produċiet madwar 3,000 infezzjoni waqt li rriżultat f’disa’ imwiet.

Bħalissa, is-suldati Awstraljani qed jingħataw it-taħriġ għal dawn id-doveri ġodda  qabel jibdew l-impenji tar-ronda f’Sydney, nhar it-Tnejn. Iżda ħafna Awstraljani qed jiddubitaw in-neċessità tal-intervent militari li, għalihom, hu ‘eżaġerat fiċ-ċirkustanzi’.

Intant, is-suldati se jissieħbu mal-pulizija fil-‘virus hotspots’ biex jaċċertaw li l-poplu qed jimxi mar-regoli għall-kontroll tal-Covid.

Il-lockdown f’Sydney, li se jibqa’ fis-seħħ sa, mill-anqas, it-28 ta’ Awwissu, jipprojbixxi lir-residenti milli joħorġu minn djarhom ħlief għal raġunijiet essenzjali, fosthom ix-xiri tal-affarijiet bażiċi u sitwazzjonijiet fejn huma jeħtieġu jgħinu lil qrabathom anzjani.

Sadanittant – u minkejja ħames ġimgħat ta’ lockdown – l-infezzjonijiet bil-Covid qed ikomplu jinfirxu f’Sydney. Dan meta l-awtoritajiet fit-tieni l-akbar belt tal-Awstralja — li hi wkoll il-kapitali ta’ New South Wales —  għadhom kemm irrappurtaw mal-170 każi ġodda tal-virus.

Il-Ministru responsabbli mill-Pulizija ta’ New South Wales, David Elliott, qal li numru ta’ miżuri tas-sigurtà ġodda għandhom jgħinu f’sitwazzjoni’ fejn ‘minoranza ċkejkna ta’ residenti f’Sydney qed jaħsbu li r-regoli ma japplikawx għalihom’.