Internazzjonali

Covid-19: Iżrael qed joffri tielet doża lin-nies ta’ aktar minn 60 sena

Il-Prim Ministru ta’ Iżrael, Naftali Bennett, ikkonferma li ċ-ċittadini ta’ ‘il fuq minn 60 sena, minn tmiem il-ġimgħa, se jibdew ikunu offruti t-tielet doża — jew booster — tal-vaċċin kontra l-Covid-19.

Fil-fatt, dawk l-Iżraeljani li jaqgħu f’din il-kategorija u li kienu ngħataw it-tieni tilqima talanqas ħames xhur ilu, min-nhar il-Ħadd, se jkunu eliġibbli għal booster tal-vaċċin ‘Pfizer.

Il-President ta’ Iżrael, Isaac Herzog, li jagħlaq 61 sena f’Settembru, se jkun l-ewwel wieħed li se jingħata l-booster.

Dan qed iseħħ fost spinta ta’ infezzjonijiet f’Iżrael u meta numru kbir ta’ pajjiżi huma mħassbin dwar il-varjant ‘Delta’ li jinfetta lin-nies aktar faċilment mill-versjonijiet preċedenti tal-coronavirus.

Naftali Bennett qal li l-istudji juru li, maż-żmien, il-ġisem tal-bniedem jitlef mill-immunità permessa mit-tieni doża tal-vaċċin. Għaldaqstant, il-ħsieb wara d-doża supplimentarja hu biex l-immunità tingħata spinta ġdida u bir=riżultat li ċ-ċansijiet ta’ infezzjoni ( u l-mard serju relatat) jonqsu fuq livell sinifikanti.

Il-Prim Ministru Iżraeljan żied li mal-2,000 persuna li għandhom is-sistema tal-immunità dgħjafa diġà ngħataw tielet doża tal-vaċċin u fejn ma rappurtaw l-ebda ‘side effects’ serji. Madankollu, l-esperti qalu li għadu mhux ċar jekk tielet doża tal-vaċċin ‘Pfizer’ għandhiex tnaqqas mill-każijiet tal-Covid. Dan wara li l-awtoritajiet f’Iżrael, ix-xahar li għadda, introduċew mill-ġdid ir-regola biex in-nies jilbsu l-maskri ġewwa, fost l-ispinta tal-każi ġodda tal-Covid.

Fl-istess ħin Iżrael kien fost l-aktar pajjiżi fid-dinja li kisbu riżultati tajbin fl-isforzi lejn il-kontroll tal-pandemija.