Lokali

“Għandu jibda proċess ta’ fejqan fuq livell nazzjonali tat-trawma li ħalla dan l-assassinju tal-waħx” – George Vella

Wara l-inkjesta pubblika li ġiet ippubblikata lbieraħ, il-President ta’ Malta George Vella qal li dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu rispettati u, kull fejn huwa possibbli, jitwettqu. Hekk kif il-proċess issa ġie konkluż, il-President Vella tenna l-importanza, li l-istrutturi ġudizzjarji għandhom jitħallew jaħdmu bla ndħil u bla pressjoni esterna, sabiex il-ġustizzja tilħaq il-milja tagħha.

Il-President Vella jemmen li dan ir-Rapport jaf, u għandu, iservi bħala l-punt tat-tluq biex jibda l-proċess ta’ fejqan fuq livell nazzjonali tat-trawma li ħalla dan l-assassinju tal-waħx li seħħ f’Ottubru 2017. Dan jista’ jintlaħaq ukoll fl-ispirtu tal-Konferenza għall-Għaqda Nazzjonali li l-President sejjaħ fi Frar li għadda, kif ukoll fil-ħidma tal-Fundazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali li ser tiġi varata fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-President George Vella sema’ dak kollu li ntqal mill-Prim Ministru u mill-Kap tal-Oppożizzjoni u jħoss li għandu jingħaqad magħhom biex jesprimi sogħba għal dak kollu li wassal għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.