Lokali Parlament

“Għandu jitwaqqaf kumitat parlamentari sabiex jiġu diskussi fid-dettal ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu” – Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-parlament dalgħodu li issa spiċċa ż-żmien il-biża’ fil-pajjiż u beda żmien it-tama.

Fil-parlament Bernard Grech qal li l-Prim Ministru għamel diskors surreali fi żmien surreali fejn il-Prim Ministeru qed jipprova jnessi lill-poplu dak li għadda minnu billi jiprpova jgħid li hu ġdid meta issa ilu snin jiddefendi l-ħażin magħruf.

“Naħdmu flimkien, ilni noffrilek l-id tal-ħidma minn Ottubru”, sostna l-Kap tal-PN li qal li l-Prim Ministru jibqa’ jirrifjuta din l-offerta għax m’għandux umiltà.

Bernard Grech qal li fil-verità l-Prim Ministru jevita l-intervisti mal-ġurnalisti u sostna li l-Istat u l-Gvern huma responsabbli għaliex flok għamlu xogħolhom dwar lil-korruzzjoni li kixfet Daphne Caruana Galizia għażlu li jiddemonizzawha, jiżolawha u jħarsu n-naħa l-oħra biex jipproteġu lill-kriminali sakemm dawn ħadu kontroll tal-istituzzjonijiet. Hu qal li dawn kellhom l-impunità li joqtlu u sostna li min jinsa l-passat jerġa’ jgħixu.

Il-Kap tal-PN kompla li l-inkjesta tistabilixxi li l-impunità ħolqot il-klima neċessarja biex min ried joqtolha seta’ jagħmel dan fl-iktar klima favorevoli. Huma għażlu s-serħan tal-moħħ tal-kriminali, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li l-inkjesta tgħid li kien l-Istat, il-Gvern Laburista, li hu ħati li nħolqot il-klima ta’ impunità.

Hu kompla li anki jekk il-Prim Ministru japoloġizza lill-familja, il-verità hi li l-Prim Ministru għadu jmexxi Gvern li għadu jġib ruħu bl-istess mod u għadu jipproteġi diversi persuni li jmisshom ilhom li ttellgħu l-qorti.

Il-kandidat tal-kontinwità għadu jibża’ jsib il-kurraġġ ma jiddefendix lil Joseph Muscat, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li d-deputati kollha ħalfu li jkunu onesti u integri waqt li jsegwu l-liġijiet.

L-Imħallfin fl-inkjesta ikkonkludew li fil-każ tal-qtil ta’ Daphne kien hemm deputati Laburisti li flok ħadmu fl-interess tal-poplu u jfittxu l-verità ħadmu biex tinħeba l-verità.

Dawn ħadmu biex Daphne tkun weħidha bla protezzjoni u biex il-verità dwar il-qtil tagħha ma tkunx magħrufa. F’dawn għamlu wkoll ċert li min irid jikser il-liġi jkun komdu li jgħmel dan; l-inkjesta hi rebħa għall-kawża ta’ Daphne. Dan hu biss il-bidu biex nipprovaw insewwu l-ġerħa, li kibret u qed tipperikola l-għeruq tal-pajjiż għaliex il-Gvern li ħalliha tikber u tagħmel ħafna ħsara, sostna Bernard Grech.

Din ir-rebħa ġiet grazzi għall-familja ta’ Daphne; kien hemm min anki fil-parlament baqa’ jattakkhom anki wara l-qtil tagħha. Din kienet telfa bl-akbar vjolenza, sostna Bernard Grech, li qal li jifhem lill-familja Caruana Galizia għaliex fi tfulitu kien imċaħħad mill-kuġina tiegħu Karin Grech.

Il-Kap tal-PN qal li l-Istat Malti li kien kundannat irid jitnaddaf u sostna li dan irid isir lkoll flimkien biex tiddewwa l-ferita tal-inġustizzja. Il-PN hu kommess li jagħmel, sostna l-Kap tal-PN, li qal li kien sodisfatt li l-Prim Ministru laqa’ l-istedina tiegħu biex jitwettqu l-bidliet suġġeriti fl-inkjesta pubblika.

Hu appella li jitwaqqaf kumitat parlamentari biex jiddiskuti l-proposti li saru fir-rapport biex ikun assigurat li dawn jitwettqu mill-iktar fis.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-Gvern appunta lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali propju biex dawn ma jkunux jistgħu joperaw kif suppost; kien biss l-imħallfin fl-inkjesta li ħadmu biex issa ħarġet il-verità.

Taħt Gvern Laburista kkollassaw l-istituzzjonijiet u daħlet il-kultura tal-biża’ fost in-nies, minflok jibżgħu l-kriminali li għadhom jiġru mas-saqajn. Bħalma Daphne ma beżgħetx, mhux se nibżgħu aħna; din hi rebħa tagħna lkoll, sostna Bernard Grech, li qal li l-PN se jipproteġi lill-poplu. Kulħadd, inkluż l-Ispeaker, għandu jiġġieled il-biża’ bit-tama għaliex Malta jixirqilha aħjar minn hekk b’paġna ġdid ta’ serħan il-moħħ.

Żmien il-bidu spiċċa; illum jibda żmien it-tama għaliex nafu iktar minn qatt qabel li ninsbau fuq in-naħa t-tajba tal-istorja. L-inkjesta stabbiliet ir-responsabbiltà kollettvia tal-kabinet Laburista; din hi verità li l-gvern jista’ jibqa jaħbiha, jimmanipulaha, jikkontrollaha iżda ma jistgħux jaħarbu minnha.

Bernard Grech qal li responsabbiltà kollettiva tfisser li l-Gvern ħalla li jttieħdu deċiżjonijiet illegali u inġusti iżda ma sar xejn biex ma jitwettqu. Hu kompla li l-Ministru Owen Bonnici kien jagħti l-ordnijiet biex il-memorja ta’ Daphne wara l-qtil biex jinkines il-mafkar tagħha flok kien hu li mar ipoġġi xemgħa. Dan waqaf biss meta tkellemt il-qorti; kif jista’ Owen Bonnici jkun fdat?

L-istess jingħad għall-Ministru Michael Farrugia li fl-2017 kien jgħid li l-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien qed jaħdem fuq l-inkjesta iżda fil-verità l-Ministru Farrugia kien qed jiddefendi bniedem inkompetenti li kien qed jassigura li flimkien ma’ Silvio Valletta l-inkjesta ma timxix ‘ il quddiem.

L-ex Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna għatta u pproteġa proġetti ta’ korruzzjoni li propju Daphne nqatlet minħabba fihom. L-għanqbuta tas-17 Black u tal-Electrogas ingħataw protezzjoni. Kif jista’ dan ikun tollerat bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali? Kif jista’ l-pajjiż jerġa’ jġib lura l-fiduċja tal-FATF?

Bernard Gerch qal li hu jirrispetta lill-Prim Ministru iżda għadu ma jafx fejn dan jinsab u sostna li jalla li hu ma jkun qatt Prim Ministru ta’ gvern korrott. Dwar l-Ombudsman hu qal li kien ippropona seba’ ismijiet fosthom imħallef iżda l-Prim Ministru rrifjuthom.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru qed jibqa’ jiddefendi l-indifensibbli kif għamel meta kien l-id il-elminija ta’ Joseph Muscat meta kien qed jinħbew il-provi, meta Muscat kien qed jinsisti li Silvio Valletta u l-Kummissarju tal-Pulizija jibqgħu fit-tmun; ir-responsabbiltà kollettiva tirriferi wkoll għall-Prim Ministru jekk se jibqa’ jżomm miegħu nies responsabbli jew meta jibqa’ jiddefendi lill-kriminali għadhom jiġri barra.

Il-kredibbiltà tal-Prim Ministru spiċċat fix-xejn għax il-verità ħarġet minkejja t-tfikil tal-gvern u tiegħu bħala Prim Ministru, li hu pupazz tas-sid li bih fuq dak is-siġġu.

Il-Kap tal-PN temm billi appella lill-Prim Ministru biex jiċħad lil Joseph Muscat.