Internazzjonali

Iċ-Ċina twissi lill-bastimenti tar-Royal Navy

Iċ-Ċina wissiet lill-qawwiet tal-Carrier Strike Group tar-Renju Unit biex ma jwettqux ‘azzjonijiet li mhumiex aċċettabbli’, f’ħin meta l-bastimenti Britanniċi kienu deħlin fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar.

L-aircraft carrier HMS Queen Elizabeth jinsab fl-avangwardja tal-Carrier Group u l-Armata komunista taċ-Ċina fl-aħħar sigħat kienet fuq stat avvanzat ta’ allert u ‘lesta għal kull azzjoni potenzjali’. Dan irrappurtatu l-media ta’ Beijing, bis-sitwazzjoni tqajjem it-tensjoni bejn il-Gvern Ċiniż u l-awtoritajiet Britanniċi.

Iċ-Ċina  kompliet issegwi mill-qrib il-progress tal-Carrier Strike Group li fl-aħħar sigħat kien qed ibaħħar mill-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar waqt li fi triqtu lejn il-Ġappun. Fl-istess ħin, iċ-Ċina akkużat lir-Renju Unit ‘b’li għadu qed jgħix fiż-żmenijiet kolonjali’.

Ir-Royal Navy tar-Renju Unit qed imexxi l-eżerċizzji mal-qawwiet tal-baħar ta’ Singapore u s-Segretarju tad-Difiża Britanniku, Ben Wallace, għamel ċari l-intenzjonijiet li jsir eżerċizzju mlaqqam ‘Freedom of Navigation’ fiz-zona tal-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar.

Kuntrarju għal dak li hemm stipulat f’digriet internazzjonali tal-2016, iċ-Ċina qed tinsisti li l-parti kbira ta’ dak il-baħar polemikuż hi ‘tagħha bid-dritt’ u fl-aħħar xhur bniet numru ta’ skolli u mitjar artifiċli li ħafna minnhom huma viċin l-ibħra territorjali tal-pajjiżi ġirien.

Il-bastimenti tal-gwerra tar-Renju Unit u l-Istati Uniti, fl-aħħar ġimgħat ukoll, sfidaw liċ-Ċina li qed tinsisti dwar ‘id-dritt tas-sovranità’ fil-baħar partikulari u fejn għaddew minn dik iz-zona ‘bl-iskop li jwasslu l-messaġġ tagħhom’.