Lokali

Il-familja Caruana Galizia tilqa’ l-apoloġija tal-PM iżda hemm bżonn azzjoni

Paul Caruana Galizia, iben il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, stqarr illi filwaqt li l-familja tilqa’ l-apologija li l-Prim Ministru Robert Abela għamel fil-Parlament, kull persuna li ġiet identifikata fir-rapport għandha terfa r-responsabbilità u għandha ssir ġustizzja fuq livell kriminali.

Dan intqal il-Ġimgħa filgħodu f’webinar li għalih attendew l-avukati li huma parti mit-tim legali tal-familja Caruana Galizia, membri tal-istess familja u numru ta’ ġurnalisti,

F’messaġġ li wassal, Paul Caruana Galizia qal li dawn l-aħħar erba’ snin kienu erba’ snin ta’ diffikultajiet kbar għall-familja tagħhom u allura l-eżitu tar-rapport li ġie ppublikat hu biss pass biex issir ġustizzja sħiħa għal dak li ġara.

Preżenti għal dan il-webinar kien hemm wkoll l-avukat Therese Comodini Cachia flimkien mal-avukat Jason Azzopardi li qed jirrappreżentaw lill-familja Caruana Galizia fil-proċeduri kriminali li hemm għaddejjin fil-Qorti f’Malta.

Therese Comodini Cachia insistiet li r-rakkomandazzjonijiet magħmula mir-rapport tal-inkjesta għandhom jiġu implimentati minn kumitat indipendenti u imparzjali. Hija fakkret kif il-Prim Ministru Robert Abela tkellem fil-Parlament għaliex ma kellux għażla oħra.