“Il-Gvern għandu jieqaf juża l-pandemija tal-COVID-19 bħala skuża biex jibqa’ jġib ruħu bħal reġim dittatorjali.” – Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’reazzjoni għal dak li ġara barra l-bini tal-Parlament aktar kmieni llum meta membri tal-pubbliku ma tħallewx jidħlu fil-Parlament.
Il-Kap tal-PN saħaq li “mhux talli ma jistax jibqa’ jżomm lin-nies milli jkollhom aċċess għall-Istrangers Gallery tal-Parlament (ladarba ħafna mir-restrizzjonijiet tal-COVID tneħħew f’ħafna oqsma oħra) iżda wkoll din għandha tibda tissejjaħ People’s Gallery.”
F’post fuq Facebook, Bernard Grech qal li “il-Gvern u l-Ispeaker qegħdin f’konfoffa flimkien sabiex iċaħħdu lin-nies milli jkollhom aċċess għall-Parlament kemm ġewwa kif ukoll barra, fejn għad hemm il-barrikati sal-lum stess jimblukkaw id-dar li tah il-poplu.”
Fl-istatus tiegħu, il-Kap tal-PN qal li “l-Gvern għandu juri bil-provi u mhux bil-kliem biss li wara r-riżultat tal-inkjesta tgħallem il-lezzjoni tiegħu. Billi jibqa’ jittratta lill-attivisti bħala kriminali, qiegħed ikompli juri li ma tgħallem xejn.”
//= $special ?>