Matul il-pandemija tal-COVID-19 f’pajjiżna rajna numru ta’ restrizzjonijiet imposti u anke tibdil fihom. Dawn ġabu magħhom multi għal min mar kontra r-regoli, inkluż għal negozji li instabu mhux konformi mal-avviżi legali li kienu fis-seħħ mill-awtoritajiet.
Malli reġgħu fetħu l-istabbilimenti tal-catering u bdew jilqgħu nies bilqiegħda, id-Direttorat ta’ Konformità u Regolazzjoni fl-Awtorità tat-Turiżmu, kompla jagħmel spezzjonijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ standards u protokolli obbligatorji f’Malta u Għawdex.
Tajjeb wieħed isemmi li meta dawn l-uffċjali tal-MTA jinnutaw ksur żgħir tal-liġi, tinġibed biss l-attenzjoni tal-operaturi biex jirranġaw tali ksur kif xieraq u jiġu mwissija verbalment. Min-naħa l-oħra, jekk il-ksur tal-liġi jkun wieħed kbir jew regolari u persistenti, tittieħed azzjoni legali, normalment permezz ta’ multi.
Matul ix-xhur ta’ Mejju, Ġunju u Lulju, inħarġu sitta u tletin multa ta’ dan it-tip. Dawn jinkludu multi fejn instabu aktar persuni f’daqqa mil-limitu permess f’dak iż-żmien kif ukoll dwar ksur ta’ standards ta’ distanza soċjali fi stabbilimenti tal-catering. Dawn in-numri huma separati mill-istatistika li ppublika Net News fl-aħħar jiem meta wrejna li mill-bidu ta’ din s-sena, inħarġu aktar minn 22,000 multa b’rabta mal-infurzar tar-regoli tal-COVID-19.
//= $special ?>