Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi tħassib dwar tibdil fl-istazzjon nazzjonali TVM

F’sena ta’ elezzjoni, l-PBS iddeċieda li jitneħħew l-aħbarijiet u programmi t’affarijiet kurrenti minn fuq l-istazzjoni prinċipali, TVM.

Minflok, se jpoġġi l-aħbarijiet u programmi t’affarijiet kurrenti fuq TVM2, li se jkun msemmi TVM News. Il-Partit Nazzjonalista, li qatt ma kien ikkonsultat fuq din il-kwistjoni, jinnota dan l-iżvilupp bi tħassib.

Il-Partit Nazzjonalista m’għandux fiduċja li t-tmexxija tal-PBS taġixxi b’mod ġust u awtonomu.
TVM instab ripetutament ħati talli naqas milli jonora l-obbligi ta’ imparzjalità tiegħu. Minflok jirriżenja wara l-inkjesta kkundannata, il-Ministru Carmelo Abela jidher intenzjonat li jkompli jnaqqar istituzzjoni oħra, waqt li jiżgura iżjed impunità.

Minn meta Robert Abela sar Prim Ministru, TVM qaċċat l-iżjed programm popolari li kellu, Xarabank, mingħajr ebda spjegazzjoni. Diversi ġurnalisti telqu mill-istazzjon għax ma setgħux jaħdmu liberament. Filwaqt li l-uffiċjali tal-Partit Laburista jingħataw ħin tax-xandir sproporzjonat fost l-aħbarijiet u l-programmi ta’ divertiment, sar dejjem aktar diffiċli għall-Oppożizzjoni li tiġi rrappurtata fuq TVM, anke meta TVM jiġi ordnat jagħmel dan mill-Awtorità tax-Xandir.

Fid-dawl ta’ dan il-PN se jkun qed jikkunsidra l-għażliet kollha, inkluża azzjoni legali, biex jipprevjeni li l-PBS jkun maħtuf iżjed mill-Gvern Laburista.