Lokali

“Ir-riżultat tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma jistax jiġi injorat” – Kamra tal-Kummerċ

“Ir-riżultat tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma jistax jiġi injorat.”Hekk sostniet Maria Xuereb , il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta.

Marisa Xuereb qalet li “issa rridu naġixxu fuq dak li hemm bżonn isir mingħajr dewmien għal ġid tal-poplu Malti u għal ġid tal-ġenerazzjoni li jmiss. Il-pajjiż għadda minn żmien turbolenti li laħaq il-qofol tiegħu dakinhar tal-mewt tal-ġurnalista Caruana Galizia, reat gravi li ħakem il-kuxjenza kollettiva ta’ kullħadd u għamel ħsara lir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta.”

Marisa Xuereb sostniet illi ma nistgħux verament infiequ bħala pajjiż qabel ma lkoll ninaqdu u nimpenjaw ruħna għal valutazzjoni oġġettiva bbażata fuq il-valuri tat-trasparenza, ir-responsabbiltà, l-integrità, u r-responsabbiltà ċivika fil-livelli kollha tal-Gvern, politika, ġurnaliżmu, negozju, u interazzjoni soċjal.

Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta ittenni li l-korruzzjoni hija ħażina għal kulħadd, iżda hija ħażina b’mod speċjali għan-negozju. Il-korruzzjoni tiffavorixxi lill-ftit għad-detriment tal-ħafna negozji etiċi li huma esklużi inġustament, jew agħar minn hekk, kompromessi billi jkollhom joqogħdu għall-frak li jaqa’ mill-mejda bl-għarfien sħiħ li mhumiex qed joperaw fuq kundizzjonijiet indaqs.

Ir-riżultat tal-inkjesta pubblika juri kif l-korruzzjoni ġabet lill-pajjiż għarkupptejh. Mhux kull negozju kbir huwa korrott, bħalma mhux kull politiku huwa korrott. Huwa f’dan l-ispirtu li l-Kamra tal-Kummerċ b’mod kontinwu ippromwoviet in-negozju etiku u appellat għal governanza tajba fil-livelli kollha tal-Gvern, il-politika, in-negozju u r-regolamentazzjoni.

Il-president tal-Kamra tal-Kummerċ tisħaq li ma nistgħux inkomplu niġġustifikaw prattiċi inġusti fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ riżorsi jew ta’ konvenjenza. Ma nistgħux inkomplu naċċettaw l-għemil ħażin għax jista’ jkun li ħaddieħor għamel agħar. Ma nistgħux inkomplu nagħlqu għajnejna għal imġieba li mhiex etika u kunflitti sfaċċati ta’ interess minħabba l-biża’ li nitilfu l-favur. Għandna bżonn naddottaw bażi morali b’mod konsistenti f’dak kollu li nagħmlu.

Dan għandu implikazzjonijiet estensivi għall-mod kif nagħmlu n-negozju, iżda wkoll għall-mod kif immexxu l-ġurnaliżmu, għall-mod kif niffinanzjaw il-politika u għall-mod kif naħtru uffiċjali pubbliċi. L-appell tal-Kamra tal-Kummerċ huwa li ilkoll għandna nkunu kuraġġużi u nilħqu l-isfida li nagħmlu dak li hemm bżonn isir mingħajr iktar dewmien.