Lokali Parlament

Issa l-verità nafuha; jeħtieġ azzjonijiet

Karol Aquilina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina sostna fil-parlament li issa daqshekk gideb, manuvrar u ħabi, issa l-verità nafuha u għandhom jittieħdu l-azzjonijiet.

Karol Aquilina qal li r-rapport tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia jitfa’ l-ħtija fuq il-Gvern Laburista, kollu kemm hu li issa qed jipprova jilgħabha tal-veriġni. Il-Gvern Laburista kien kontra li ssir inkjesta u vvota diversi drabi kontra l-mozzjonijiet tal-Oppożizzjoni.

L-inkjesta titkellem fuq l-impunità u r-responsabbiltà fejn il-Gvern ħoloq sitwazzjoni fejn min hu fil-Gvern jagħmel li jrid; jista’ jewttaq korruzzjoni u joqtol u ma jmissu ħadd. Eżempju ta’ dan hu l-kriminal Konrad Mizzi li għadu jgawi mill-impunità.

Il-Kap tal-Majfa Joseph Muscat kellu lil Robert Abela bħala konsulent tiegħu, sostna Karol Aquiliuna, li semma’ diversi persuni f’awtoritajiet importanti li ssemmi l-inkjesta fosthom Ian Abdilla.

Dan hu pulizija korrott li rċieva r-rapport tal-FIAU dwar Keith Schembri iżda li ħadem biex ma jsir xejn dwaru. Meta dan ir-rapport kien żvelat, ċempillu Keith Schembri u Ian Abdilla ammetta li mar Kastilja biex iddiskuta dan ir-rapport. Dan hu kompliċi mal-kriminali. Min se jieħu azzjoni biex Abdilla jitkeċċa mill-Korp tal-Pulizija?

Hu semma’ lil Yorgen Fenech u qal li meta kienet żvelata l-istorja dwar 17 Black, Keith Schembri waqqal lill-pulizija milli jkellmu lil Fenech. X’se jagħmel il-Prim Ministru?

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru għandu jiċħad lil Joseph Muscat billi jkeċċih mill-PL, jirtiralu l-unur tal-Ordni tal-Mertu, jitolbu jirrifondi lura l-€120,000 li ħa meta spiċċa minn Prim Ministru u jista’ jitolbu jagħti l-informazzjoni kollha lill-Pulizija. Iżda l-Prim Ministru ma jistax jagħmlilhom għax għadu marbut ma’ Joseph Muscat; se jibqa’ l-iskjav etern ta’ Muscat. Daqshekk gideb, manuvrar u ħabi, issa l-verità nafuha u għandhom jittieħdu l-azjzonijiet.