“Jekk nemmnu f’xulxin nistgħu nibdlu lil pajjiżna” – Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tan-nies f’Tas-Sliema.
Fil-messaġġ tiegħu, Bernard Grech irringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi li kuljum qed jifhem li dan il-pajjiż għandu bżonn bidla. “Għalhekk qegħdin hawn qalb in-nies, għax f’qalb in-nies, il-messaġġ tagħna jkompli jasal.” il-Kap tal-PN stqarr li anke jekk hemm minn qed jipprova jikkontrolla kollox, “għamlu kuraġġ, dan huwa żmien li flimkien nistgħu nibdlu lil pajjiżna, l-ewwel nemnu, imbgħad naħdmu u nirnexxu lkoll flimkien.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wieġeb mistoqsijiet dwar l-aħħar żviluppi li kellna f’pajjiżna b’rabta mal-Inkjesta Pubblika fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Mistoqsi jekk kienx qed jistenna li l-konklużjonijiet tal-inkjesta jgħidu li l-istat hu responsabbli, Bernard Grech qal li “aħna lkoll konna konvinti li l-Gvern Laburista kien artefiċi” għaliex bil-kontroll tiegħu ippermetta li jkun hemm biżżejjed kunfidenza biex il-kriminal iħossu komdu joqtol lil Daphne Caruana Galizia. Hu saħaq li għalkemm kien qed jistenna li jkun hemm din il-kundanna sfortuntament illum fil-Parlament il-Prim Ministru wera li hu maqtuh mir-realtà. “Fl-aħħar waslet apoloġija li hija biss il-bidu, issa dik l-apologija irridu verament nuru li qed nemnuha billi mmorru għall-azzjoni.”
Bernard Grech qal li issa wasal iż żmien li npoġġu fis-seħħ ir-rakomandazzjonijijet li għamlu t-tliet imħallfin fir-rapport tal-Inkjesta. Hu saħaq li “il-verità llum jew għada titla f’wiċċ l-ilma. Qawwu qalbkom għax aħna l-partit li dejjem konna, għadna u nibqgħu fuq n-naħa t-tajba tal- istorja”
Bla dubju li persuna ewlenija li nissel din l-impunitá u kultura tax-xejn mhu xejn hu Joseph Muscat. Il-Kap tal-PN kien mistoqsi għalfejn qed iqis it-tkeċċija ta’ Joseph Muscat mill-Partit Laburista bħala pass importanti. Bernard Grech qal li Robert Abela huwa parti mill-problema għaliex għadu ma ċaħadx lil Joseph Muscat. “Joseph Muscat għadu hemm għax għandu l-interessi, għad għandu x’jaħbi u allura jekk Robert Abela jrid ikun kredibli, l-ewwel li jrid jagħmel, jiċħad lil Joseph Muscat u l-isfida nibqa’ nagħmililu għax naf li m’ghandux il-kuraġġ li jiċħad lil Muscat.”
Mistoqsi dwar il-familja Caruana Galizia li għadha qed iġorr il-weġgħat, u anke dwar parti mis-soċjetà li għadha mweġġa’ b’dan il-qtil, Bernard Grech qal li jieqaf, jaħseb u jħoss għaliex meta kien tifel ta’ 6 snin, ra familja ili tkissret għaliex inqatlet waħda minnhom. “Jien nammira lill-familja Caruana Galizia għaliex minkejja l-attakki u t-tkasbir, ipperseveraw, baqgħu jemmnu u irnexxilhom jaslu sal-punt li inkjesta tiddikjara li tikundanna lill-Gvern Laburista u l-Kabinett kollu tal-Gvern tal-Labour.” Il-Kap tal-PN qal li meta jara b’ammirazzjoni din il-ħidma, jissellef dik id-determinazzjoni u jagħmel il-qalb u stqarr li jippretendi li l-popolazzjoni kollha tkun irrabjata għal dak li ġara. “Ilkoll irridu nifhmu li huwa dmir tagħna li nħossuna nweggħin, konvinti u b’determinazzjoni naġixxu llkoll flimkien biex qatt aktar ma jiġri dak li ġara. Ħadd u qatt m’għandu jinqatel minħabba l-politika jew xi haġa oħra.”
Meta kien qed iwieġeb domanda dwar l-apoloġija li għamel il-Prim Ministru, Bernard Grech saħaq li ma jixtieqx li jiġġudika lill-Prim Ministru għaliex dik hija xi ħaġa li jagħmel il-poplu. “Issa jrid flimkien magħna jmur għall-azzjoni, mhux jinħela fil-ftaħir tat-tiġdid u r-riformi għaliex dan mhux bizzejjed. Ħalli lill-istituzzjonijiet ħielsa, ħallihom jarrestaw lill-politiku anke jekk hu Konrad Mizzi u Joseph Muscat, hekk biss din l-apologija tista’ titwemmen.”
Il-Kap tal- PN qal li mportanti nifmhu li dan il-pajjiż mhux se joħroġ minn dan il-kapitlu ikraħ waħdu. “Irridu nirrikonoxxu li għandna problema. Illum għandna certifikat li jikkonferma li l-Gvern ħoloq u għadu jiddefendi klima ta’ impunitaà imma tal-inqas ghandna l-ewwel pass.”
Bernard Grech kien mistoqsi wkoll dwar il-greylisting tal-FATF fejn wieġeb għad-domanda ta’ kif Gvern immexxi minnu se jara biex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna terġa’ tirkupra. Fir-rispsta tiegħu Bernard Grech kien ċar u saħaq li Gvern immexxu minnu joħroġ lil Malta mill-greylist fi żmien tliet xhur. “Aħna nistgħu għaliex aħna mhux imċapsin u m’aħniex korrotti, għandna l-kredibiltà u nistgħu immorru b’wiċċna minn quddiem nitkellmu mal-istituzzjonijiet u ngħidulom li jistgħu jafdawna għax ma niddefendux il-politiċi korrotti. Il-Kap tal-PN stqarr li jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja, kif il-PN irnexxielu jdaħħal lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea l-istess jista’ jagħmel bit-tneħħija ta’ pajjiżna mill-greylist; “jiena nemmen għax għandi fiduċja f’Malta u konvint li aħna bil-kredibiltà tagħna nerġgħu niksbu lura r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.”
Meta kien qed jitkellem dwar it-tiġdid li qed iseħħ fil-PN, Bernard Grech irringrazzja lil kull persuna li ħarġet mill-kariga tagħha filwaqt li awgura lill-persuni l-ġodda. “Dan it-tiġdid mhux logħba, mhux tibdil tal-uċuh imma dan huwa messaġġ ċar, iż-żgħażagħ mhux biss il-futur tal-pajjiż, imma irridhom ikunu l-preżent, flimkien mal-esperjenza, f’kull irwol li għad ikollhom ‘il quddiem, kull ma trid biex taħdem fil-PN huwa passjoni, li tirranġa, tbiddel il-partit, u ssaħħu biex fimkien insaħħu lil pajjizna.” Kien hawnhekk fejn Bernard Grech stieden lil Francis Zammit Dimech li issa spiċċa mill-irwol ta’ Segretarju Ġenerali, kif ukoll lil Michael Piccinino li issa beda jaħdem f’dan l-irwol biex jagħmlu d-diskors tagħhom.
Francis Zammit Dimech qal “għalina l-politika kienet għadha u tibqa’ mezz ta’ kif inkunu ta’ servizz għall-pajjiz” Hu saħaq li għalih mhux importanti t-titlu jew l-irwol imma li nifmhu li f’dan il-mument aktar minn qatt qabel il-pajjiz qed iseħilna. “Kulħadd irid isaqsi lilu nnifsu kif nistgħu nagħtu servizz lil pajjizna minn qalbna b’determinazzjoni u jekk dan nagħmluh, jien fiduċjuż li pajjiżna jkollu l-futur li jixraqlu. Pajjiżna llum qed isejhilna biex naqdu dan id-dover.”
Min-naħa tiegpu Michael Piccinino, fl-ewwel diskors tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tal-PN wassall messaġġ ta’ kuraġġ; “jekk naħdmu flimkien nistgħu nagħmlu movimenti kbar ‘il quddiem. In-nies jixtiequ bidla, irridu nuruhom aħna li din il-bidla tista’ tkun il-PN. Il-PN inthom kollha li temmnu li kapaci nġibu din il-bidla. Ingħaqdu magħna biex naħdmu flimkien u f’direzzjoni waħda għal pajjizna nagħmlu dan.”
Intant, Bernard Grech kien mistoqsi wkoll dwar diversi temi orajn fejn wieġen mistoqsijiet dwar l-ambjent, l-enerġija u s-saħħa fost l-oħrajn fejn kompla jispjega l-viżjoni tal-PN, filwaqt li wiegħed; “għandna ħafna ideat għaliex għalina il-persuna kienet, għadha u tibqa’ fiċ-ċentru tal-politka tagħna. Madwar il-persuna aħna se nibnu l-proposti tagħna biex inti jkollok kwalità ta’ ħajja aħjar.”
//= $special ?>