B’Rosianne Cutajar warajh, il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament baqa’ ma ċaħadx lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Dan seħħ il-Ġimgħa filgħodu fil-Kamra tar-Rappreżentanti meta Abela qatta’ kwazi nofs siegħa sħiħa jipprova jikkonvinċi li l-affarijiet qed jinbidlu – meta fir-realtà, għadu ma kellux il-kuraġġ jiċħad lil Muscat. L-uniku ħaġa li l-Gvern ċaħad kien id-dritt tas-soċjetà ċivili milli tkun preżenti fl-istrangers gallery biex issegwi d-dibattitu Parlamentari dwar l-Inkjesta Pubblika.
Kien il-whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar li ressaq din it-talba f’isem is-soċjetà ċivli, iżda n-naħa tal-Gvern irreżistiet din it-talba u ma tatx permess li jkun hemm preżenti nies fl-istrangers gallery. Waqt din iċ-ċaħda min-naħa tal-Gvern, kien hemm ukoll il-Prim Ministru innifsu preżenti.
Intant, fuq barra tal-Parlament, spikkat preżenza akbar mis-soltu ta’ membri mill-Korp tal-Pulizija. Inġabru wkoll numru ta’ attivisti mis-soċjetà ċivili, opinjonisti u akkademiċi.
Fi tmiem is-seduta, Net News baqa’ jistenna lill-Prim Ministru ħiereġ mill-bini tal-Parlament fejn staqsejna jekk hux se jiċħad lil Joseph Muscat. Għall-ewwel, għal darba darbtejn tlieta, Robert Abela injora l-mistoqsija tagħna u meta mxejna miegħu sa Kastilja, baqa’ ma ċaħadx lill-eks Prim Ministru.
Wieħed irid jirrimarka ukoll li għal din is-seduta, id-deputat Konrad Mizzi lanqas biss kien preżenti. Filwaqt li spikka fuq kollox id-diskors tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne illi f’botta diretta lil Robert Abela, stqarr illi l-iskużi mhux biżejjed. U insista li min gawda minn “ħbiberiji speċjali” ma jistax jibqa’ jiġi protett.
//= $special ?>