Lokali Qtil Politiku

“No comment” mill-Ministri tal-Gvern wara li ġew kundannati mill-Inkjesta Pubblika

Skomdi għall-aħħar, il-maġġorparti tad-Deputati li kienu kkundannati mill-Inkjesta Pubblika fil-qtil ta’ ġurnalista, ma jwieġbux għad-domandi tal-ġurnalisti. Il-Ministri u d-Deputati tal-Labour ħarbu milli jwieġbu domandi dwar il-konklużjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Quddiem preżenza qawwija ta’ media, meta mistoqsija min se jerfa’ responsabiltà għal dak li ħareġ mill-Inkjesta, id-Deputati tal-Labour inħbew wara l-konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru. Il-persuni li kienu jifformaw parti mill-Kabinett fiż-żmien meta inqatlet il-ġurnalista, naqsu milli jwieġbu dwar min għandu jerfa’ r-responsabiltà. Uħud minnhom, saħansittra qalulna li lanqas biss qraw ir-rapport li ħareġ dwar l-Inkjesta.

Chris Fearne, Evarist Bartolo, Jose Herrera, Michael Falzon, Carmelo Abela, Justyne Caruana, Michael Farrugia, Owen Bonnici u Ian Borg kienu jiffurmaw parti mill-Kabinett ta’ Joseph Muscat, l-istess Kabinett li kien kundannat, l-istess persuni li llum jiffurmaw ukoll parti mill-Kabinett ta’ Robert Abela. F’rapport ta’ 437 paġna, l-inkjesta kkonkludiet li nħolqot kultura ta’ impunità mill-ogħla livelli ta’ poter f’Kastilja. L-Inkjesta sabet lill-Kabinett kollu  kollettivament responsabbli għan-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom qabel l-assassinju.