Lokali Qorti

“Razziżmu istituzzjonalizzat fis-sentenza li jingħataw lill-immigranti” – Il-Moviment Graffitti

Il-Moviment Graffitti qal li qed jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-forom ta’ razziżmu istituzzjonalizzat evidenti fis-sistema tal-ġustizzja kriminali. Każ partikolari huwa l-ġudizzju inuman u inġust ta’ jumejn ilu fejn żewġ koppji fi triqthom lejn il-Belġju, ġew arrestati fl-ajruport u ngħataw sentenza ta’ sitt xhur ħabs b’mod arbitrarju mill-Qorti tal-Maġistrati għax kellhom passaporti foloz, b’uliedhom li ma jaħtu xejn jispiċċaw ‘orfni’ mis-sistema.

F’komunikat għall-istampa l-Moviment qal li tajjeb ninnutaw li filwaqt li l-Att Dwar l-Immigrazzjoni (Kapitlu 217 tal-Liġijiet ta’ Malta) jipprovdi għal terminu ta’ bejn sitt xhur u sentejn ħabs għall-użu ta’ dokumenti foloz, m’hemm xejn fil-liġi li jwaqqaf lill-Qrati milli tagħti waħda mis-sanzjonijiet ibbażati fil-komunità li jipprovdi l-Att dwar il-Probation (Kapitlu 446 tal-Liġijiet ta’ Malta) bħal libertà proviżorja, Ordni ta’ Probation, Ordni ta’ Servizz fil-Komunità, jew Combination Order – sanzjonijiet li jingħataw b’mod regolari għal offiżi li jġorru sentenza ta’ mhux iktar minn seba’ snin ħabs u għal offiżi li jikkawżaw ħafna iktar ħsara lill-vittmi tagħhom u lis-soċjetà meta tqabbilhom mal-użu ta’ dokumenti foloz minn immigranti.

Dan l-issentenzjar qal il-Moviment huwa diskriminatorju lejn l-immigranti u dawk li qed ifittxu ażil juri li l-qrati kriminali qegħdin ikunu l-iktar kattivi u ħorox ma’ dawk l-iktar vulnerabbli. Fil-fatt wieħed mill-fatturi li qed tikkontribwixxi għall-kriżi ta’ nuqqas ta’ spazju fis-sistema tal-ħabs jista’ jiġi attribwit għall-fatt li dawk li jinstabu ħatja taħt l-Att dwar l-Immigrazzjoni qegħdin jingħataw sentenzi kattivi ta’ ħabs mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni umanitarja għaċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom – każ sfaċċat ta’ abbuż ta’ poter u ta’ razziżmu istituzzjonalizzat.

Il-Moviment Graffitti qal ukoll li jinsab ukoll imħasseb dwar proċessi ovvji ta’ ‘krimmigrazzjoni’ fejn l-immigrazzjoni qiegħda tkun minsuġa dejjem iżjed ma’ proċessi ta’ ġustizzja kriminali u qiegħda tiġi kriminalizzata minflok indirizzata fuq bażi umanitarja.

“Filwaqt li nifhmu li s-sistema tal-ġustizzja kriminali jeħtieġ li tindirizza serjament il-kriminalità organizzata u t-traffikar uman, huwa ċar li b’dawn il-prattiki inumani u diskriminatorji, qed tilħaq biss lil min hu vulnerabbli u żvantaġġat. Dan żgur mhux l-iskop tas-sistema tal-ġustizzja kriminali li għandha d-dmir li titratta lil kulħadd b’mod ġust u bla preġudizzji kif ukoll li tiżgura li s-severità tas-sentenza tkun tirrifletti l-offiża li tkun saret”, qal il-Moviment.

Fid-dawl ta’ dan, il-Moviment Graffitti jsejjaħ għal mod iktar uman u ġust ta’ sentenzjar kif ukoll għat-tmiem immedjat tar-razziżmu istituzzjonalizzat tas-sistema tal-ġustizzja kriminali.