Lokali

“Dan kollu ġara għax għażilna l-popolarità fuq it-triq it-tajba” – Lawrence Gonzi

“Għandi ħafna xi ngħid f’dan il-mument imma “Din l-Art Ħelwa” bħalissa qed issejħilna biex nieqfu u naħsbu u sabiex nagħmlu l-għalmu kollu biex niffukaw fuq dak li hemm bżonn issa li l-verità ħarġet”.

Hekk kiteb l-eks Prim MInistru Lawrence Gonzi fl-ewwel reazzjoni tiegħu għal dak li ħareġ mir-rapport tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Lawrence Gonzi kiteb li wieħed għandu jirringrazzja lill-familja Caruana Galizia għad-determinazzjoni u l-kuraġġ li wriet tul din il-ħolma kerha. Hu qal li l-familja tal-ġurnalista stennew il-kontabilità mill-istat u ħaduha. Din il-familja urietna li ffaċċjati bil-ħażen jeħtieġ li nieqfulu u niġġieldulu sal-aħħar, u li nemmnu li l-verità u l-ġustizzja fl-aħħar joħorġu rebbieħa.

L-eks Prim MInistru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem lit-tliet imħallfin u rringrazzjahom tal-isforzi tagħhom biex jesponu l-ħażen u l-qerq u talli reġgħu taw sens ġdid ta’ fiduċja fis-sistema ġudizjarja.

“Meta konna ninsabu f’xifer ta’ kollass totali tal-istituzzjonijiet, tal-anqas illum is-sistema ġudizzjarja tatna raġġ ta’ tama li rridu niggranfaw miegħu”, kompla jgħid.

Lawrence Gonzi qal li hu tal-parir li r-rakkomandazzjonijiet magħmula mir-rapport ikunu mfassla minn kummissjoni indipendenti magħmulha minn persuni kompetenti li mhumiex imxekkla b’rabtiet politiċi.

Fl-aħħar, qal l-eks Prim Ministru, ejja lkoll nifhmu t-traġedja li laqtitna lkoll. Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna hija mtertqa, u tterteqet għax uħud minnha rriffjutaw li jaraw l-ovvju. Oħrajn, irriffjutaw li jaċċettaw ir-realtà li kellhom quddiem għajnejhom filwaqt li oħrajn dawru wiċċhom in-naħa l-oħra għax aktar kien jaqblilhom jibqgħu iħaxxnu bwiethom.

Dan kollu seħħ għax iffaċċjati b’għażliet, intagħżlet it-triq tal-popolarità minflok it-triq it-tajba.