Għax il-Partit Nazzjonalista hu tim wiħed, l-elementi fih iridu jaħdmu flimkien u permezz ta’ xulxin. Ilkoll irridu nifhmu li qegħdin hemm għal xulxin.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza seminar informattiv ieħor għad-Deputati u l-Kandidati tal-Partit, organizzat mill-Uffiċċju tal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa.
Bernard Grech kompla li l-missjoni u l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista huma bbażati fuq l-importanza li pajjiżna jagħmel suċċess. Hu għalhekk li flimkien irridu naraw li nibnu partit aħjar u li jkun kapaċi jiggverna lil pajjiżna fid-direzzjoni t-tajba, tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dawk preżenti kienu indirizzati wkoll mis-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, li appella lill-Kandidati biex jifhmu l-importanza tal-ħidma tagħhom għax pajjiżna għandu bżonn lill-Partit Nazzjonalista.
Filwaqt li faħħar l-amalgamazzjoni fil-lista ta’ Kandidati li qed jippreżenta l-Partit, bejn l-esperjenza u ż-żogħżija, hu talab lill-Kandidati jimpenjaw ruħhom ħalli jilħqu aktar nies u jwasslu l-messaġġ tal-Partit. Tenna li jekk kulħadd jaħdem flimkien, il-Partit Nazzjonalista jasal żgur.
Min-naħa tiegħu, l-MEP David Casa rringrazzja lil dawk preżenti għall-interess, fosthom anke bil-parteċipazzjoni tagħhom matul dawn is-sessjonijiet.
Hu wiegħed l-impenn tiegħu, anke b’aktar okkażjonijiet bħal dawn għax jemmen bis-sħiħ fl-importanza tat-teamworking. Dan filwaqt li rringrazzja lil dawk li indirizzaw lil dawk preżenti.
//= $special ?>