Rapport: Stewart Said
SIRENS MECCA MARIN…….. 10
EXILES……………………………… 9
(3-2), (3-1), (2-3), (2-3)
Sirens Mecca Marin rebħu l-konfront dirett. Għalkemm għadu kmieni, dan jitqies pass importanti fit-taqtigħa tagħhom li jirbħu l-Ewwel Diviżjoni. Il-gowl ta’ Gianni Farrugia xejjen ir-rimonta li Exiles għamlu fl-aħħar sessjoni u nofs biex issa laħquhom fil-klassifika b’logħba anqas.
Ironikament kienu Exiles li bnew vantaġġ doppju iżda Sirens irkuprawh sa tmiem is-sessjoni u bdew it-tieni waħda 3-2. Ken Erdogan, Gianni Farrugia u Jacob Sciberras skorjaw it-tliet gowls li taw il-vantaġġ. Isaiah Riolo u Jerome Zerafa Gregory kabbru d-distakk għal tliet gowls, liema distakk baqa’ hekk kif Tristan Said għamel l-iskor 6-3 wara l-gowl ta’ Timmy Sullivan fl-attakk preċedenti.
Il-vantaġġ ta’ Sirens kiber għal 8-3 u l-partita dehret mirbuħa u mitlufa meta l-kowċ Aurelien Cousin tkeċċa għat-tieni karta safra. Dan in-nuqqas donnu serva ta’ ispirazzjoni għal Exiles li reġgħu daħlu fil-logħba b’doppjetta ta’ Timmy Sullivan u gowl ta’ Kurt Griscti.
Fl-aħħar sessjoni, Sirens kellhom jerġgħu jibdew mill-bidu wara li Griscti u gowl maħdum tajjeb ta’ Jake Bajada għamlu l-iskor 8-8. Zerafa Gregory reġa’ poġġa lil Sirens minn fuq iżda Mark Fenech wieġeb għal Exiles. Kellu jkun gowl sabiħ u preċiż taż-żagħżugħ Gianni Farrugia fl-aħħar nofs minuta li ta rebħa prezzjuża.
Sirens: G. Galea Curmi, M. Grech, K. Erdogan (1), J. Sciberras (1), J. Zerafa Gregory (2), G. Farrugia (2), M. Sciberras (1), I. Riolo (1), J. Napier, G. Melillo, L. Caruana, M. Azzopardi (1), O. Gauci, T. Said (1)
Exiles: M. Castillo, N. Saliba, S. Apap, P. Paris (1), T. Sullivan (3), S. Xerri de Caro, M. Fenech (1), K. Griscti (3), N. Paris, J. Bajada (1), M. Aquilina, D. Fenech, G. Borg
Referees: Stefan Licari, Ronnie Spiteri
L-ewwel rebħa staġjonali
TA’ XBIEX AMIGOS……………… 7
MARSAXLOKK BROWN’S……. 3
(2-1), (1-2), (2-0), (2-0)
Iż-żgħażagħ ta’ Ta’ Xbiex kisbu l-ewwel rebħa staġjonali b’mod meritat. Prestazzjoni li fiha kisbu vantaġġ kmieni u għajr ftit mumenti, dejjem żammewh. Fuq in-naħa l-oħra, il-kowċ ta’ Marsaxlokk Joe Cremona kellu kritika għall-kontroll tar-referees iżda żgur li stenna aktar mill-plejers tiegħu li ddiżappuntaw.
Ta’ Xbiex kisbu vantaġġ doppju permezz ta’ Daniel Rizzo, b’Sebastian Busuttil inaqqas id-distakk. Fit-tieni sessjoni Luigi Mallia ġab id-draw, u Busuttil reġa’ għamel l-istess biex wieġeb lil Raoul Greco. B’hekk iż-żewġ timijiet bdew it-tielet sessjoni 3-3.
Hawn daħlet il-bravura taż-żgħażagħ proprjetà ta’ Sliema. Huma bdew jikkontrollaw lil Marsaxlokk u sabu ċ-ċans biex kisbu vantaġġ doppju b’gowls ta’ Kieyan Borg u Daniel Rizzo. Fl-aħħar sessjoni, ir-risposta ta’ Marsaxlokk ma waslitx u Ta’ Xbiex għalqu l-logħba b’żewġ gowls oħra din id-darba ta’ Daniel Rizzo u Jayden Cutajar.
Ta’ Xbiex: M. Vassallo, R. Greco (1), Z. Cutajar Licari, J. Pace Mizzi, J. Cassar, M. Demarco, J. Saliba, J. Cutajar (1), K. Borg (1), S. Azzopardi, E. Schembri, D. Rizzo (4), A. Theuma, S. Engerer
Marsaxlokk: B. Busuttil, S. Stellini, M. Pace, M. Martellacci, S. Busuttil (2), L. Saliba, J. Galea, K. Cremona, S. Micallef, R. Scerri, M. Cacici, J. Portelli, F. Buhagiar, L. Mallia (1), K. Cauchi
Referees: Alex De Raffaele, Neville Mercieca
Jispikka l-kollettiv fir-rebħa Slimiża
SLIEMA FRANK SALT…… 19
VALLETTA IZIBET………….. 9
(3-4), (6-1), (6-1), (4-3)
Għalkemm qabel il-logħba l-maġġoranza assoluta prevedew rebħa għal Sliema, ir-riżultat finali jista’ jitqies ftit sorpriża meta wieħed iqis il-kwalità fit-tim ta’ Valletta. Madankollu meta wieħed iqis il-prestazzjoni taż-żewġ timijiet, ir-riżultat mhux giddieb. Valletta bdew tajjeb iżda wara sessjoni u nofs bdew jisfaxxaw biex meta Sliema fetħu distakk ta’ tliet gowls, qatt ma ħarsu lura, bil-Beltin jikkrollaw fiżikament u mentalment.
Valletta rnexxielhom iwieġbu tliet darbiet wara vantaġġ Slimiż, b’Nikolai Zammit jiskorja t-tielet gowl personali u ta vantaġġ minimu lil Valletta fi tmiem l-ewwel sessjoni. Sliema dawru r-riżultat fit-tieni sessjoni, b’Zach Mizzi, John Brownrigg u Mark Meli kollha jiskorjaw f’żewġ minuta. Peter Borg naqqas id-distakk minn man-up, iżda fl-aħħar tliet minuti, Sliema skorjaw tliet darbiet oħra u daħlu jistrieħu 9-5.
Fit-tielet sessjoni, Sliema xxalaw u ma tawx ċans lil Valletta b’sitt gowls jaslu minn sitt plejers differenti. Andrea Agius skorja l-uniku gowl ta’ Valletta f’din is-sessjoni. Valletta rnexxielhom tal-anqas jillimitaw id-danni fl-aħħar sessjoni, għalkemm Sliema baqgħu jikkontrollaw.
Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (3), L. Galea (2), M. Meli (1), B. Cachia (4), N. Schiavone, M. Mifsud (1), J. Brownrigg (5), J. Gambin (1), Z. Mizzi (2), N. Bugelli, Z. Sciberras
Valletta: R. Sciortino, P. Borg (2), E. Aquilina, M. Stellini, A. Agius (1), R. Mock, D. Paolella, M. Mifsud, N. Farrugia, M. Zammit, N. Zammit (4), N. Lanzon (2), B. Muscat Dougal, K. Tanti, M. Mannino
Referees: Massimo Angileri, Richard Magri
//= $special ?>