Sport Sport Ieħor

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futsal bi sponsor ġdid

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futsal ħabbret ftehim ġdid ma’ Enemed għall-istaġun il-ġdid 2021/2022.

Il-President tal-FMA Mark Borg, qal li għall-assoċjazzjoni dan hu tragward importanti sabiex tintlaħaq il-viżjoni li tkompli tiżviluppa dan l-isport tant sabiħ. Borg qal li l-motivazzjoni li dejjem titjieb mhux biżżejjed u għalhekk dan is-sostenn finanzjarju se jgħin mhux ftit sabiex jinħoloq progress f’din il-logħba. Hu rringrazzja lil Enemed, kumpanija stabbilita tal-għajnuna finanzjarja li se tagħti lill-assoċjazzjoni.

Mark Borg kompla jgħid li l-kampjonat tas-sena l-oħra kien wieħed ferm eċitanti li ħalla lil kulħadd bla nifs sal-aħħar logħba. Hu qal li kien hemm livell tajjeb ta’ futsal bit-telespettaturi li kienu qed jaraw il-logħbiet permezz ta’ live streaming.

Borg temm jgħid li bħala assoċjazzjoni se jkomplu jgħinu lill-klabbs sabiex jiġi organizzat kampjonat ta’ livell u fuq kollox li jinkisbu aktar riżultati importanti fuq livell internazzjonali fejn f’dawn l-aħħar snin timijiet bħal Luxol u Valletta irnexxielhom jaslu sar-rawnd prinċipali tal-UEFA Futsal Champions League.

Il-President tal-FMA wera x-xewqa wkoll li l-quddiem jinħoloq il-kampjonat ta’ taħt id-19-il sena li jikkumplimenta dak li qed isir fil-kategorija ta’ taħt is-16-il sena.

Ikkummenta