Lokali Qorti

Mixli li ħebb għal żewġ persuni b’sikkina f’temp ta’ ġimgħa

Tifel ta’ 14-il sena mill-Imsida, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni mill-Qorti minħabba li huwa minorenni, ingħata l-libertà proviżorja wara li tressaq quddiem il-Maġistrat Monica Vella akkużat li ħebb għal tnejn minn nies b’sikkina f’temp ta’ ġimgħa.

It-tifel, li qed jiċħad l-akkużi miġjuba kontrih u ddeskriva l-aġir tiegħu biex jiddefendi ruħu, kien arrestat fis-27 ta’ Lulju wara li l-Pulizija sabet żagħżugħ Ingliż bi ġrieħi serji f’għadira demm fi Triq Locker f’Tas-Sliema.

Dan wara li l-vittma, residenti l-Mosta, kien aggredit permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina f’appartament.

Kemm l-Ingliż, kif ukoll l-akkużat, kellhom jittieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura, bil-Pulizija jistabilixxu li t-tifel ta’ 14-il sena kellu xi ġrieħi li ġarrabhom wara li qala’ xebgħa.

Fil-Qorti instema’ kif it-tifel kien involut f’inċident ieħor aktar kmieni matul il-ġimgħa, f’residenta fil-Pietà, fejn żagħżugħ ta’ 24 sena ndarab permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina.

F’dan il-każ il-Pulizija spjegat li kien iż-żagħżugħ ta’ 14-il sena stess li rrapporta l-inċident – bil-vittma jagħti xhieda kontrastanti għal dak li rrapporta l-akkużat.

Filwaqt li l-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Jessica Bezzina u Roderick Attard, appellaw kontra li jingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba l-akkużi serji li t-tifel qed iħabbat wiċċu magħhom, madanakollu ġie spjegat li minħabba li għadu taħt l-età s-severità tas-sentenza tonqoslu.

Għaldaqstant l-akkużat ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €3,500 kif ukoll twissija sabiex ma javviċinax lill-allegati vittmi hekk kif għad iridu jixhdu.