Sport Waterpolo

“Ninsab deluż u sorpriż ħafna” – Sergio Afric jitneħħa minn kowċ ta’ Sliema

Rapport: Stewart Said

It-tielet esperjenza ta’ Sergio Afric bħala kowċ ta’ Sliema Frank Salt intemmet uffiċjalment illejla. F’kumment ma’ dan is-sit, Afric ikkonferma li hu ngħata l-aħbar li tneħħa mill-kariga dalgħodu iżda minkejja li kien sospiż, xorta kien preżenti fil-Pixxina Nazzjonali biex segwa lil Sliema jirbħu 19-9 kontra Valletta. “Ninsab deluż u sorpriż ħafna,” qal Afric.

It-telfa ta’ 10-9 fost il-ġimgħa kontra ċ-champions San Ġiljan, setgħet kellha effett. F’dan l-istaġun, Sliema kienu jinsabu fit-tielet post fil-klassifika tal-Kampjonat Premier punti ndaqs ma’ Birżebbuġa. Is-sena l-oħra rebħu l-Enemed Cup, liema unur kien l-ewwel wieħed għal Sliema minn meta rebħu t-Tazza tal-President lura fl-2015.

Afric irritorna ma’ Sliema f’Settembru tal-2017. Minkejja li kiseb biss unur f’dan il-perjodu, Afric għen biex jintroduċi diversi żgħażagħ fit-tim Slimiż u llum huma plejers stabbiliti. Dawn huma Benji Cachia, Liam Galea u Jamie Gambin, bi plejers bħal Matthew Mifsud u Nico Schiavone qed jiġu ntrodotti b’aktar regolarità din is-sena.

Il-kowċ Kroat hu isem sinonimu mal-Waterpolo lokali hekk kif għajr esperjenza qasira fil-Perù, ilu kowċ f’pajjiżna għal aktar 25 sena. Minbarra lil Sliema, Afric mexxa lil San Ġiljan u Sirens darbtejn, Neptunes kif ukoll kien kowċ nazzjonali ta’ Malta.

Kollox ma’ kollox, Afric kellu suċċess mat-tim Slimiż. L-ewwel esperjenza tiegħu mal-klabb kienet bejn l-2001 u l-2004, bil-kowċ Kroat jirbaħ erba’ Kampjonati tas-Sajf konsekuttivi u darba n-knock-out. Imbagħad, Afric reġa’ kien ma’ Sliema bejn l-2009 u l-2012 fejn rebaħ darbtejn in-knock-out, tliet darbiet il-Kampjonatax-Xitwa u darba l-Kampjonat tas-Sajf, li ironikament hu l-aħħar kampjonat li Sliema rebħu.