Lokali

RAPPORT INKJESTA: Deputati tal-Gvern jaħarbu mir-responsabbiltà li tefgħu fuqhom l-imħallfin

Id-Deputati tal-Gvern jibqgħu jitkellmu b’mod kważi surreali fil-konfront tar-rapport tal-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Ir-rapport li tefa’ fuq l-Istat – jiġifieri primarjament fuq il-Gvern Laburista –  ir-responsabbiltà ta’ dan il-qtil makabru.

Iżda fid-dawl ta’ dan kollu, il-Ministri tal-Gvern preżenti – li ħafna minnhom kienu wkoll Ministri fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat – jibqgħu jitkellmu b’ħafna retorika, filwaqt li kollha jibqgħu ma jġorrux biċċa mir-responsabbiltà.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, fid-diskors tiegħu matul is-seduta tal-Ġimgħa, ħa l-okkażjoni biex ixejjen ir-retorika li uża mill-bidu l-Prim Ministru, hekk kif ħareġ ir-riżultat tal-Inkjesta. Wara li Robert Abela għamel apoloġija għal dak kollu li seħħ, u bħal donnu ried jgħid li l-kapitlu jingħalaq b’hekk, Fearne qal li l-apoloġija mhumiex biżżejjed. Iżda mbagħad, bħal Abela ma refax fuqu parti mir-responsabbiltà.

Fid-diskors tiegħu, Fearne qabeż minn kliem ta’ retorika fejn qal li “Malta ma toqtolx lil uliedha” għal kliem li fih ħafna x’tifhem. Dan minkejja li kien fost il-membri tal-Grupp Parlamentari Laburista li għal darba darbtejn ivvutaw fil-Parlament favur nies bħal Keith Schembri u Konrad Mizzi.

“MHUX FAĊLI MR SPEAKER LI INTI TKUN TAĦDEM MA’ NIES GĦAL SNIN IMBAGĦAD ISSIR TAF LI MHUX NEĊESSARJMANET KIEN DAK LI EMMINT” – CHRIS FEARNE

Madankollu, anke d-Deputat Prim Ministru għażel li fl-ebda ħin ma jikkundanna lil Muscat, li għadu sal-lum membru Tesserat tal-Partit Laburista. L-istess bħall-Prim Ministru Robert Abela, li meta mistoqsi hux lest ikeċċi lill-predeċessur tiegħu, hu baqa’ juri biċ-ċar li m’għandux intenzjoni jagħmel dan.

Għal xi raġuni, Abela qed jagħżel li jibqa’ mwaħħal ma’ Muscat. Min-naħa tiegħu, il-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, għal xi raġuni ma għamilx intervent, b’ħafna jikkummentaw fuq il-media soċjali li dan il-fatt hu stramb ħafna meta kien hemm Deputati oħrajn tal-Gvern li għamlu intervent.