Il-Partit Laburista għandu minnufih jibda proċeduri fi ħdanu biex l-eks Mexxej Joseph Muscat jitkeċċa mill-partit. Dan wara li Muscat instab personalment responsabbli li kien fiċ-ċentru tat-tnawwir, tat-tgħajjir, tal-gideb u tal-ħolqien tal-ambjent ta’ impunità li fihom seta’ jseħħ l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan hu l-appell tal-organizzazzjoni Repubblika matul konferenza tal-aħbarijiet quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet, il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina ippreżenta ittra, b’dan l-appell u oħrajn, lill-President tal-Partit Laburista Ramona Attard.
Fl-ittra, l-organizzazzjoni qalet li hu biss bit-tkeċċija ta’ Muscat li l-Partit Laburista jista’ jibda jiċħad il-passat ta’ għajb li wassal għall-qtil ta’ omm, ikkawża trawma għall-pajjiż sħiħ u żeblaħ lil artna mal-erbat irjieħ tad-dinja. Repubblika temmen li l-gravità ta’ dak li seħħ minħabba Joseph Muscat hi bla preċedent fl-istorja tad-demokrazija tagħna.
Robert Aquilina qal li l-Partit Laburista għandu obbligu li jibgħat messaġġ qawwi biex imġieba bħal ta’ Muscat u ta’ dawk li tkellmet fuqhom l-Inkjesta ma jirrepetu ruħhom qatt fil-kurituri tal-poter ta’ pajjiżna.
Repubblika temmen li l-pajjiż li se jgħixu fih uliedna u ulied uliedna jiddependi fuq id-deċiżjonijiet li se jittieħdu f’dawn il-jiem. Għax ma jistax ikun li nibdew mixja ġdida jekk fuq quddiem jibqgħu dawk il-Ministri, Deputati, Uffiċjali u persons of trust li fir-Rapport tal-Inkjesta kienu identifikati bħala kontributuri għall-impunità tal-kriminali.
Il-President ta’ Repubblika qal li pajjiżna jeħtieġ li jkun tagħna lkoll u mhux tal-qarnita mafjuża magħmula minn politiċi u negozjanti korrotti, kriminali u qattiela. Dan filwaqt li wiegħed id-disponibbiltà tal-organizzazzjoni li jiddjalogaw ma’ min juri rieda tajba biex tibda l-bidla vera li għandu bżonn il-pajjiż, mhux l-anqas il-Partit Laburista.
Qrib il-binja taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista ddominat il-preżenza qawwija ta’ membri mill-Korp tal-Pulizija, b’uħud qrib il-bieb prinċipali u oħrajn ftit metri bogħod. Preżenti wkoll diversi Uffiċjali tas-Sigurtà tal-Partit Laburista, li skjaraw ruħhom quddiem il-bieb ewlieni tal-Kwartieri tal-Partit.
//= $special ?>