Lokali

Titniżżel fiż-Żonqor il-Patrol Boat P33 f’għarqa kkontrollata

Is-Sibt filgħodu bosta persuni, tfal u familji, ilkoll inġabru madwar il-Bajja taż-Żonqor, f’Wied il-Għajn, biex jassistu għall-għarqa kkontrollata ta’ attrazzjoni ġdida għall-bugħaddasa.

Kollox ingħata bidu ftit wara d-disgħa ta’ filgħodu meta,  bl-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-patrol boat P33 inħarġet ‘il barra mill-Bajja taż-Żonqor għall-għarqa – bil-proċess jieħu b’kollox madwar sagħtejn – fost l-istennija ta’ diversi dilettanti u oħrajn li xtaqu jkunu xhieda ta’ dan l-avveniment.

Il-patrol boat imbniet fil-Ġermanja tal-Punent fl-1971 u ntużat mill-Iskwadra Marittima tal-Forzi Amati ta’ Malta bejn l-1992 u l-2005.

Il-P33 tniżżlet fiż-żona bejn żewġ bastimenti mgħarrqa u attrazzjonijiet stabbiliti qalb is-settur marittimu, dawk ta’ St. Michael u Melita.

Dan il-proġett kien ilu biex jitwettaq għal dawn l-aħħar snin u kienet proprju proposta xprunata mill-Partit Nazzjonalista li wasslet għal dan … proposta mressqa fid-dokument 2+8: It-triq ‘il quddiem għall-irkupru fis-settur turistiku ta’ pajjiżna.

Għaldaqstant, għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista wassal biex il-proposta magħmula minnu ttieħdet bl-akbar serjetà mill-awtoritajiet konċernati għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi … bl-għan li attrazzjoni bħal din mhux biss titgawda mill-bugħaddasa lokali, iżda sservi wkoll ta’ inċentiv għat-turiżmu tant bżonnjuż għall-ekonomija ta’ pajjiżna.