Lokali

“Assassinju li kien sponsorjat mill-Istat”

Ma kienx sempliċiment qtil imma kien assassinju li kien sponsorjat b’mod dirett mill-Istat.

Hekk sostna l-Professur Ġorġ Mallia b’referenza għal dak li ħareġ mill-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. F’kummenti lil Net News, huwa qal li din kienet sistema li nħolqot permezz tal-magna tal-media tal-Partit Laburista – l-istess partit li kien fil-Gvern meta nqatlek Daphne Caruana Galizia.

“Meta l-istat li suppost qed jipproteġi liċ-ċittadini tiegħu joħloq sitwazzjoni fejn dawk l-istess ċittadini jistgħu jinqatlu b’impunita, dik hija xi ħaġa li mhemmx fejn tmur iktar.

Ġorġ Mallia jistqarr li l-iktar ħaġa li tweġġgħu hi li għalkemm qed joħroġ dan kollu, jidher li xejn mhu se jinbidel… fejn qed nisimgħu biss kummenti kosmetiċi, apoloġija kosmetika, u kulħadd jibqa’ fejn hu.

Min-naħa tagħha l-attivista u lettur fl-Universita ta’ Malta Louiselle Vassallo qalet li l-inkjesta tefgħet dawl fuq is-sens ta’ impunità li qed jirrenja f’pajjiżna. 

“Hija weġa’ għax meta tara li l-Istat black on white huwa responsabbli tal-mewt ta’ ġurnalista, din hija xi ħaġa serjissima li kulħadd għandu jinkwieta dwarha.”

Hija qalet li ġusitizzja ma ssirx biss b’apoloġija iżda ssir meta ċerti nies li għadhom jiġru barra, tittieħed azzjoni fil-konfront tagħhom.

L-opinjonista u preżentatur Peppi Azzopardi semma kif dak li ħareġ f’din l-inkjesta kompla jtappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. 

“Jien ilbierah kont qed nara diversi media internazzzjonali u tara isem pajjiżna spiċċa mtappan minħabba dak kollu li qed jiġri f’pajjiżna.”

Huwa jittama li minn din l-istorja wieħed jitgħallem jgħid le… le għal dawk l-affarijiet li mhumiex sewwa.  B’Peppi Azzopardi jagħmel appell imqanqal lill-Prim Ministru Robert Abela hekk kif l-apoloġija biss mhix biżżejjed hekk kif hemm bżonn tittieħed azzjoni konkoreta.

Huwa stqarr li waħda mill-affarijiet l-iktar li weġġgħatu hija li dawk li qaltlu lil Daphne Caruana Galizia ħassew li jistgħu jagħmlu li jridu għax… fi kliem sempliċi… ħassewhom protetti.