Sport Waterpolo

Beto Fernández mistenni jinħatar kowċ ta’ Sliema ASC

(Ritratt: Epadi Photografy)

Wara li s-Sibt filgħaxija tħabbar li Sergio Afric ma għadux aktar kowċ ta’ Sliema ASC, netnews.com.mt jista’ jiżvela li l-klabb tal-waterpolo Slimiż jinsab viċin li jħabbar lil Beto Fernández bħala l-kowċ tiegħu. Fernández ġej minn esperjenza twila mal-klabb Spanjol CN Mataro. Hu kien ilu Direttur Tekniku mill-2007, kowċ tat-tim mill-2011 u spiċċa mill-kariga ftit xhur ilu. Fl-istaġun li għadda mexxa lil CN Mataro għas-seba’ post fl-Ewwel Diviżjoni tal-Kampjonat Spanjol.

Sliema fil-preżent jinsabu fit-tielet post fil-klassifika tal-Kampjonat Premier punti ndaqs ma’ Birżebbuġa wara erba’ logħbiet. Fl-aħħar jiem huma sfaw megħluba 10-9 minn San Ġiljan u s-Sibt għelbu lil Valletta 19-9. L-impenn li jmiss tas-Slimiżi hu l-Erbgħa li ġej kontra Birżebbuġa.

Afric tneħħa mill-kariga wara li kien inħatar kowċ tat-tim f’Settembru tal-2017. Fit-tielet esperjenza tiegħu mal-klabb Slimiż, mexxa lit-tim għar-rebħ tal-Enemed Cup is-sena l-oħra, f’dak li kien l-ewwel unur Slimiż mir-rebħ tat-Tazza tal-President fl-2015.

Tags