Internazzjonali

Covid-19: Anthony Fauci ma jaħsibx li l-Istati Uniti se tirritorna għal-lockdowns

Il-konsulent mediku ewlieni tal-President Amerikan Joe Biden mhux jistenna li l-Istati Uniti tirritorna mill-ġdid għal perjodu tal-lockdowns. Dan minkejja li qed jiżdied dejjem aktar is-sogru mill-infezzjonijiet bil-varjant ‘Delta’ tal-Covid-19.

Anthony Fauci qed jaħseb li ċ-ċirkustanzi attwali jippermettu biex il-pajjiż ma jispiċċax fis-sitwazzjoni (tal-Covid) li kellu jiffaċċja matul ix-xitwa li għaddiet.

Madankollu – u waqt li ma jemminx li l-poplu se jerġa’ ikun suġġett għal-lockdowns– Fauci qal li għad ma tlaqqmux biżżejjed Amerikani ‘biex ikissru din il-pandemija.

Fl-istess ħin, Anthony Fauci, li hu wkoll id-direttur tan-National Institute of Allergy and Infectious Diseases, qed iwissi li s-sitwazzjoni tal-Covid fl-Istati Uniti għandha taqleb għall-agħar aktar ma jinfirex il-varjant tal-Covid.

‘Hemm madwar 100 miljun ċittadin fil-pajjiż li huma eliġibbli għat-tilqima u li mhumiex qegħdin jingħataw il-vaċċin’, spjega Fauci.

Dan meta l-medja tal-każi ġodda tal-Covid li qed ifeġġu għal kull ġurnata kważi rduppjaw fl-Istati Uniti tul l-aħħar għaxart ijiem – u fost spinta fil-każi fejn il-pazjenti qed jeħtieġu l-kura fl-isptarijiet ta’ diversi Stati.

Madankollu hu minnu li qed jiżdiedu n-numri tal-Amerikani li qegħdin jitlaqqmu kontra l-Covid u l-varjanti.