Internazzjonali

Estiż l-istat ta’ emerġenza fi Myanmar

Il-Ġeneral tal-Armata li fi Frar li għadda ħataf il-poter f’dan il-pajjiż wara kolp ta’ stat ħatar lilu nnifsu Prim Ministru – waqt li ddikjara li t-tmexxija ta’ emerġenza fi Myanmar kapaċi tkun estiża sa’ Awwissu tal-2023.

Il-Ġeneral Aung Hlaing, waqt diskors twil, wiegħed li l-pajjiż għandu jkollu ‘elezzjoni ħielsa u miftuħa għal diversi partiti’ iżda anki rrefera għall-partit elett li tneħħa mill-poter waqt il-kolp ta’ stat bħala ‘entità terroristika’.

Sallum mietu l-mijiet tan-nies fost il-protesti regolari kontra l-kolp ta’ stat fi Myanmar.

Ħafna mid-dimostranti kienu jiffurmaw parti mis-sistema għall-kura tas-saħħa li issa kkrollat, fost spinta qawwija fl-infezzjonijiet bil-Covid-19 fil-pajjiż.

Myanmar, sallum, irrapporta 300,000 infezzjoni u qrib l-10,000 mewta mill-Covid u l-Ġeneral Hlaing, waqt id-diskors, akkuża lid-dimostranti li qed jipprotestaw kontra l-kolp ta’ stat fil-pajjiż bħala ‘il-kaġun għalfejn il-Covid infirex daqshekk malajr fost il-poplu’.

Il-Ġeneral qal li d-dimostranti ta’ kontra l-Armata ‘kellhom il-ħsieb li jferrxu l-Covid’ waqt li akkuża lin-networks soċjali dwar‘aħbarijiet foloz u informazzjoni qarrieqa’biex jitfgħu lill-Gvern tiegħu f’dawl ħażin għall-mod kif qed jitratta l-effetti tal-pandemija.