Lokali

“Ġudizzju li ser jagħmel ħsara lit-tfal ” – MASW

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-ħaddiema soċjali tinsab imħassba bis-sentenza tal-Qorti, li fl-aħħar jiem kkundannat żewġ ommijiet għal sitt xhur ħabs u konsegwentement wliedhom tqiegħdu fil-kura tal-istat. Jidher li n-nisa kienu vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Id-deċiżjoni tal-Qorti kkawżat sabiex it-tfal jiġu separati minn ommijiethom u minħabba din is-sitwazzjoni t-trawma fuq it-tfal hija akbar.

L-MASW tisħaq li s-sistema tal-ġustizzja qed tfalli minħabba li meta dawn is-sentenżi jiġu mqabbla ma’ sitwazzjonijiet oħra, jidhru immensament sproporzjonati. Eżempju, kif jistgħu dawk li jwettqu abbuż sesswali fuq tfal jingħataw sentenza sospiża mill-istess Qorti iżda migrant mingħajr dokumenti jintbagħat 6 xhur ’ ħabs?

Hija l-opinjoni soda ta’ din l-assoċjazzjoni li: L-istat jeħtieġ li jiżgura li t-tfal ikollhom kuntatt sostanzjali ta’ kuljum mal-ġenituri tagħhom waqt li jkunu fil-kura tal-istat u, għandhom jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi alternattivi bbażati fil-komunità għall-ġenituri filwaqt li tissalvagwardja l-aħjar interess tat-tfal involuti. Għalhekk id-deċiżjoni li tisepara t-tfal minn mal-ġenituri tagħhom għandhom jiġu revokati immedjatament permezz ta’ kwalunkwe mezzi legali.

Is-servizzi tal-protezzjoni tat-tfal għandhom jippromwovu b’mod proattiv biex iżommu lit-tfal mal-qraba tagħhom kull meta jkun possibbli peress li huwa d-dritt intrinsiku tagħhom, skond l-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-tfal tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-ħaddiema soċjal tisħaq li l-gvern jeħtieġ li jimplimenta strateġija effettiva biex tiġġieled it-traffikar tal-bniedem, filwaqt li l-politiċi jeħtieġu jaġixxu issa biex jirriformaw is-sistema tal-ġustizzja kriminali, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, sabiex tkun iċċentrata fuq it-tfal.