Lokali

Il-bastiment Ocean Viking isalva 196 immigrant

Matul il-jum tas-Sibt, il-bastiment Ocean Viking salva 196 immigrant f’erba’ ħidmiet separati ta’ salvataġġ fit-territorju Libjan.

SOS Mediterranee qalet li s-Sibt filgħodu 57 immigrant ġew salvati permeżż ta’ dinghy li kien mgħobbi żżejjed. Fl-istess jum wara nofsinhar, l-ekwipaġġ tal-bastiment wettaq żewġ salvataġġi oħra fl-istess żona, fejn ġew salvati 118 persuna oħra.

Fl-aħħar operazzjoni tagħhom, salvaw 21 persuna bl-għajnuna ta’ dgħajsa żgħira tal-injam. It-total ta’ persuni salvati jinkludi minn tal-inqas żewġ nisa tqal u 33 tifel u tifla.

Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, matul l-ewwel nofs tal-2021 mill-inqas 1,146 persuna mietu fil-baħar waqt li ppruvaw jaslu fl-Ewropa, filwaqt li SOS Mediterranee qalet li madwar 30,000 persuna ġew salvati minn Frar 2016 sal-lum.

SOS Mediterranee takkuża lill-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea li kemm il-darba traskuraw ħidmiet koordinati ta’ tfittxija u salvataġġ sabiex jiskoraġġixxu lill-immigranti milli jippruvaw jaqsmu mil-Libja, fejn ħafna drabi spiċċaw vittmi tal-kriminalità organizzata u l-vjolenza tal-milizzja.

Intant, f’Mejju li għadda, rapport maħruġ mill-Uffiċċju tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti ħeġġeġ lil-Libja u lill-Unioni Ewropea sabiex jirrevedu l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ tagħhom. L-istess rapport ikkundanna lill-politiċi eżistenti li qed jonqsu milli jagħtu prijorità lis-sigurtà u d-drittijiet ta’ dawn il-persuni li jippruvaw jaqsmu mill-Afrika bit-tentattiv li jibdew jgħixu ħajja aħjar.