Lokali

“Il-ġurnalisti qegħdin jiġu abbużati u mwaqqfa milli jagħmlu xogħolhom” – Repubblika

“Huwa skandaluż li ftit wara li l-Istat u l-Kabinett jinstabu responsabbli għall-qtil brutali ta’ ġurnalista, issa għandna ġurnalista li jkollu jwaqqaf programm minħabba l-indħil f’xogħolu mill-istazzjon nazzjonali.”

Kien dan li ħareġ minn stqarrija ta’ Repubblika wara li Mark Laurence Zammit ħabbar li se jkun qed jieqaf milli jagħmel il-programm minħabba indħil li esperjenza fl-aħħar xhur. Repubblika tqis li dan huwa fatt gravi ħafna għall-fatt li dan qed isiru mill-istazzjon nazzjonali – l-istazzjon mħallas mit-taxxi tal-poplu u li suppost huwa imparzjali u mhux strument tal-Gvern biex jaħbi l-ħmieġ tiegħu.

Repubblika qalu li m’għandhomx fiduċja fil-Ministru Karmenu Abela, dak responsabbli mix-xandir nazzjonali hekk kif ma refgħax ir-responsabbiltà ta’ għemilu meta nstab ħati ta’ imġieba mhux xierqa mill-Kummissarju għall-Istandards.

Repubblika tistqarr li l-Prim Ministru għandu d-dmir li jinvestiga dan l-indħil u jiddixiplina lil min hu responsabbli.  Fid-dawl ta’ dan, l-għaqda tgħid li jekk Il-Prim Minstru ma jagħmel xejn, ifisser li Abela ħa fuqu ir-responsabbiltà tal-abbuż imwettaq.