Lokali

“Il-Parlament għandu jitlaqqa’ b’urġenza biex jiddiskuti mozzjoni ta’ sfiduċja f’Zammit Lewis” – Bernard Grech

Wara li llum il-ġurnal The Sunday Times żvelat li l-Ministru Edward Zammit Lewis kien qed jikkonfoffa ma’ Yorgen Fenech waqt li kien qed jagħmel kampanja kontra l-ġustizzja, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ser ikun qed jikteb lill-ispeaker tal-kamra tad-deputati sabiex ilaqqa’ l-Parlament b’urġenza biex jiddiskuti mozzjoni Parlamentari ta’ sfiduċja kontra l-istess Ministru tal-Ġustizzja Zammit Lewis, li ser titressaq mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista għada.

Minflok ma Edward Zammit Lewis appoġġja l-isforzi tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil biex tkun żgurata investigazzjoni dwar il-kumpanija ta’ korruzzjoni ta’ Fenech, 17 Black, Zammit Lewis daħak bih u ddeskrivieh bħala “theddida għas-saltna tad-dritt” filwaqt li bagħat messaġġi sigrieti lil Fenech biex ifittex l-approvazzjoni tiegħu. Huwa qal ukoll lil Yorgen Fenech li l-votanti Laburisti huma “ġaħan” u li ma jfittxux il-kompetenza politika iżda “tfal u pożi”.

Bħal Robert Abela, Edward Zammit Lewis huwa politiku li filwaqt li jippreżenta lilu nnifsu bħala l-wiċċ tar-riforma, fir-realtà, huwa wieħed mill-persuni responsabbli għall-ambjent ta’ impunitá li nħolqot mill-istat u li wassal għas-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum.

Il-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalists se tkun l-ewwel test għall-grupp parlamentari tal-Labour biex juru bil-fatti li tgħallmu l-lezzjoni tagħhom u li verament lesti jaħdmu fl-interess nazzjonali.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jittama li Robert Abela u d-deputati tiegħu jivvutaw favur din ilmozzjoni, sabiex jingħaqdu mal-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex jibda jitnaddaf isem pajjiżna u fost loħrajn nerġgħu insibu ruħna fuq il-lista l-bajda tal-FATF mill-aktar fis possibbli.