Lokali

“Il-PN biss jista‘ jagħti l-ħelsien lil pajjiżna mill-ħakma tal-kriminali li ħatfuh” – Bernard Grech

“Il-PN huwa dak il-partit li jista’ jġib il-bidla f’pajiżna għax il-PN biss jista‘ jagħti l-ħelsien lil pajjiżna mill-ħakma tal-kriminali li ħatfuh.”

Sostna dan il-Kap tal-PN Bernard Grech f’kollegament telefoniku fuq Net FM. Huwa qal li l-Gvern ta’ Robert Abela kien u għadu qed jieħu vantaġġ mill-poter li għandu f’idejh. Iżda l-Partit Nazzjonalista mhux hekk…  il-PN għandu l-ġenwinità, il-passjoni u d-determinazzjoni li jagħti lil pajjiżna l-kredibilltà li tixraqlu.. għax il-PN dejjem kien fuq in-naħa t-tajba tal-Istorja.

Fuq il-konklużjoniet tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Bernard Grech qal li llum ħadd m’għad għandu dubju li l-Gvern Laburista kien qiegħed hemm biss biex jaqdi l-interessi tal-individwi li ħakmuh… kriminali u persuni li jinteressahom biss dak li hu tagħhom a skapitu ta’ pajjiżna.

Huwa qal li din l-Inkjesta tat timbru ċar li l-Gvern Laburista uża l-istituzzjonijiet kollha ta’ pajjiżna biex jikkontrolla l-informazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni. Hekk kif dan kollu juri li l-Gvern ħoloq klima ta’ impunità.

Bernard Grech irrefera għal dak li ntqal fil-Qorti. Hekk kif tħabbret l-elezzjoni tal-2017, il-mandant ta’ qtil ċempel lill- persuna konċernata biex twaqqaf kollox. Dan għax malli tħabbret l-elezzjoni kien hemm ċans li jista’ jinbidel il-Gvern u allura ma riedx li jagħmel xi ħaġa u jinqabad għax ma setax jibqa’ jagħmel li jrid. Kien għalhekk li meta reġa’ tela’ l-Gvern Laburista, dan il-pjan seta’ jitkompla għax ħassewhom ‘safe’.

Bernard Grech qal li issa wasal iż-żmien li Robert Abela flok jibqa’ jiftaħar b’dak li għamel, irid jgħaddi mill-kliem għall-fatti u ma jibqax jostakola lill-media. F’dan il-pajjiż dekomratiku hemm bżonn li jkun hemm il-ħelsien mill-ħakma ta’ Gvern fejn min ikun irid jinvestiga u jwassal aħbar, iwassalha meta u kif irid. Huwa żied jgħid li l-Gvern ma jistax jibqa’ juża flus il- poplu bie jikkontrolla l-istituzzjonijiet.

Il-Partit Nazzjonalista diġà wera x’inhi t-triq ‘il quddiem, fejn il-ġurnalisti jkunu mħarsa u l-ġurnaliżmu jingħata d-dinjità li tixraqlu għax huwa parti minn demokrazija modena li trid tkun ta’ suċċess.

Għal dawn l-aħħar ġimgħat, Bernard Grech ilu jagħmel sejħa lil Robert Abela biex jiċħad lil Joseph Muscat għax huwa mażra ma’ għonq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Dwar ir-riforma fl-istazzjon nazzjonali, Bernard Grech qal li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jaħkem lil-PBS billi mela l-istazzjon b’persuni li huma qrib tiegħu.. fejn l-aħbar qed tkun manipulata biex taġevola lill-Gvern Laburista. Fid-dawl ta’ dan, il-Kap tal-PN għamel referenza għal dak li kiteb il-preżentatur Mark Lawrence Zammit, hekk kif ħabbar li se jkollu jieqaf mill-programm li kien jippreżenta fuq l-istazzjon nazzjonali għax ma felaħx iktar bl-indħil li kellu.

Dwar it-tiġdid fi ħdan il-Partit Nazzjonalsita, Bernard Grech qal li dan huwa tiġdid mhux biss fil-persuni iżda anke fl-ideat hekk kif il-Partit irid ikompli jsir partit li qalbu tħabbat ma’ qalb in-nies hekk kif kulħadd għandu d-dritt li jimxi ‘l quddiem.