Internazzjonali

L-Afganistan: Attakki bla heda mit-Talibani fuq tlett ibliet ewlenin

epa03034552 A picture made available on 15 December 2011 shows masked Pakistani Taliban militants during exercises in lawless Pakistan-Afghanistan border area of Laddah in South Wazirsitan tribal agency, Pakistan, 11 December 2011. Reports state that Pakistan is under intense pressure to eliminate sanctuaries of Taliban and al-Qaeda fighters in its tribal region, as militants respond by intensifying attacks on security and government installations across the country. EPA/SAOOD REHMAN *** Local Caption *** 50145941

Il-militanti tat-Taliban, fl-aħħar sigħat, kienu qed jinsistu b’offensiva qalila fuq tlett ibliet lejn in-nofsinar u l-punent tal-Afganistan, fost il-battalji kontinwi mal-qawwiet tal-gvern li qed jiddefendu dawn iz-zoni.

Fil-fatt, il-qawwiet tal-Gvern qed jiffaċċjaw sitwazzjoni li bdiet tidher aktar iddisprata huma u jippruvaw isaħħu d-difiżi fl-inħawi ta’ Herat, Lashkar Gah u Kandahar, bil-ġlied qed ikompli.

It-theddida mill-militanti Talibani llum saret aktar akuta minn qatt qabel u hemm il-possibbiltà li parti kbira nett tal-Afganistan terġa’ tispiċċa f’idejhom għall-ewwel darba minn wara l-2001.

Dan meta t-Talibani komplew jaħtfu artijiet fiz-zoni rurali tal-pajjiż wara li ħarġet l-aħbar li t-truppi barranin kollha għandhom jitilqu mill-Afganistan sa Settembru.

Issa, id-destin ta’ Herat, Lashkar Gah u Kandahar hu kruċjali ferm għall-poplu, fost l-inkwiet dwar kriżi umanitarja ġdida. Hemm ukoll preokkupazzjoni kbira dwar kemm il-qawwiet tal-gvern kapaċi jiddefendu fit-tul kontra l-offensiva tat-Taliban,

Il-militanti Talibani fundamentalisti diġà qed jikkontrollaw sa nofs it-territorju tal-Afganistan u li jinkludi aċċessi importanti milll-fruntiera mal-Iran u l-Pakistan. Madankollu, il-militanti għad ma rnexxilhomx jokkupaw il-belt kapitali ta’ xi provinċja Afgana.

Intant, għaddejjin il-battalji ħorox qalb il-belt ta’ Lashkar Gah, fejn it-Talibani waslu sa ftit mijiet ta’ metri biss ‘il bogħod mill-Uffiċċju tal-Gvernatur qabel spiċċaw jirtiraw wara kontro-offensiva mill-qawwiet tal-Gvern.

Il-qawwiet tal-ajru Afgani u tal-Amerikani qed jikkonċentraw sensiela ta’ attakki fuq il-pożizzjonijiet tat-Taliban fost rapporti li ‘inqatlu l-għexieren tal-militanti’. Madankollu, numru kbir ta’ ċittadini qed jiffaċċjaw sitwazzjoni kerha għall-aħħar meta t-Taliban hu aktar determinat minn qabel li jaħtaf kontroll fl-ibliet Afgani ewlenin.

Filwaqt li s-sitwazzjoni qed tidher ftit jew wisq bħala fluwida, il-belt ta’ Lashkar Gah – il-kapitali tal-provinċja ta’ Helmand  — issemmiet bħala l-aktar belt vulnerabbli fost it-tlett ibliet imsemmija.

Dan waqt li l-media soċjali favur it-Taliban, fl-aħħar sigħat, kienet qed ittella’ filmati ta’ ġellieda Iżlamiċi li laħqu avvanzaw sal-qalba ta’ Lashkar Gah.