Lokali

L-inkjesta tindika indħil minn Keith Schembri dwar 17-Black

Ir-rapport tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jikkonkludi li l-eks Chief of Staff Keith Schembri, indaħal fl-investigazzjonijiet tal-pulizija rigward il-każ ta’ 17 Black u l-Panama Papers.

Il-board tal-inkjesta kkwota x-xhieda tal-evidenza mogħtija mill-eks deputat kummissarju tal-pulizija Silvio Valletta, għall-mod kif Schembri kien uża l-pożizzjoni għolja tiegħu sabiex jinterferixxi b’mod dirett fl-investigazzjonijiet tal-pulizija. Skont l-inkjesta, kemm Keith Schembri kif ukoll Joseph Muscat kienu strumentali biex imexxu xibka ta’ impunità li ħolqot l-ambjent għall-assassinju tal-ġurnalista.

Valletta fakkar kif kien irċieva telefonata mingħand Keith Schembri biex iwiddbu talli identifika lill-Tumas Group bħala l-fundatur ta’ 17 Black, ibbażat fuq “sempliċi rapport tat-Times. Valletta kien se jkompli jinvestiga fuq dan billi interroga lil Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija sigrieta 17 Black.

Ian Abdilla, l-eks kap tat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi, qal lill-board tal-inkjesta li Silvio Valletta ordnalu sabiex iwaqqaf attentat ta’ interogazzjoni lil Yorgen Fenech dwar il-kumpanija 17 Black dakinhar li t-Times of Malta ħarġet l-aħbar. Wara dan, il-bord tal-inkjesta innota li ma sar ebda tentattiv ieħor mill-pulizija sabiex Fenech jiġi interogat dwar dan.

Ian Abdilla ammetta wkoll li waqt l-inkjesta Keith Schembri kien baghat għalih minn tal-inqas darbtejn fl-uffiċċju tal-Prim Ministru sabiex jinfurmah dwar rapporti kunfidenzjali tal-FIAU li implikaw lic-chief of staff f’ħasil ta ’flus.

Skond il-Board tal-inkjesta “Dan juri li kien hemm indħil dirett u suspettuż minn Keith Schembri fl-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar l-irwol tiegħu fil-Panama Papers u din l-mġieba hija kundannabbli.”