Internazzjonali

L-Iran jiċħad dwar attakk fuq tanker tal-petroleum

The Mercer Street, a Japanese-owned Liberian-flagged tanker managed by Israeli-owned Zodiac Maritime that was attacked off Oman coast as seen in Cape Town, South Africa, December 31, 2015 in this picture obtained from ship tracker website, MarineTraffic.com. Picture taken December 31, 2015. Johan Victor/Handout via REUTERS THIS IMAGE HAS BEEN SUPPLIED BY A THIRD PARTY. MANDATORY CREDIT. NO RESALES. NO ARCHIVES.

L-Iran qed jiċħad għal kull sehem fl-attakk tal-ġimgħa l-oħra li sar fuq tanker tal-Iżraeljani li kien qed iġorr il-petroleum u li ħalla żewġ mejtin – Britanniku u Rumen. L-inċident kien seħħ ‘il hinn mill-kosta tal-Oman, b’Iżrael jakkuża lir-reġim Iżlamiku f’Tehran dwar ‘l-attakk mingħajr provokazzjoni’.

Il-Prim Ministru Iżraeljan Naftali Bennett issa qal li l-Iran ‘qed jipprova jiżgiċċa mir-responsabbiltà tiegħu’ waqt li sostna li Tehran ‘qiegħed juri l-atteġġjament ta’ kodard fiċ-ċirkustanzi’.

L-Iran wieġeb b’kundanna għall-akkużi tal-Iżraeljani, b’kelliema f’Tehran jenfasizzaw li ‘Iżrael irnexxielu joħloq klima ta’ terrur u vjolenza fir-reġjun’. Il-Gvern Iranjan fl-istess ħin qal li Iżrael, b’dawn l-akkużi ‘mingħajr bażi’ , kien qed jipprova jdawwar l-attenzjoni ‘il hinn mill-fatti.

Il-Britanniku u r-Rumen tilfu ħajjithom meta, nhar il-Ħamis, it-tanker ‘Mercer Street’ – ta’ sidien Ġappuniżi u mmexxi mill-kumpanija Iżraeljana Zodiac Maritime – spiċċa attakkat minn allegat drone. Intant, l-investigaturi għad jonqoshom għall-provi konklussivi relatati mal-azzjoni.