8 snin ta’ Gvern Laburista – 8 snin ta’ skandlu wara l-ieħor – wieħed minnhom, l-iskandlu tal-Electrogas, li ma għen xejn ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Fil-qalbha ta’ dan il-proġett, l-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, flimkien ma’ persuni oħra tan-negozju, kif ukoll il-Gvern Laburista. Dan l-iskandlu jissemma’ wkoll fir-rapport konklussiv tal-Inkjesta Pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-Bord tal-Inkjesta saħaq li “hemm livell ieħor ta’ kriminalità organizzata li jinvolvi persuni li mhumiex professjonalment kriminali.. fin-negozju, fl-amministrazzjoni pubblika u fil-politika.. li jiddeċiedu li jaġixxu flimkien biex jakkwistaw gwadann b’mod illeċitu jew illegali. Hekk jistgħu jikkwalifikaw jekk provati, l-allegazzjonijiet li saru dwar il-Panama, 17 Black u dawk dwar irregolaritajiet gravi fit-twettieq ta’ proġetti infrastrutturali kbar bħall-Electrogas.”
Ir-rapport isemmi kif il-proġett tal-Electrogas kien jaqa’ taħt il-Ministeru ta’ Konrad Mizzi. Bil-Bord jgħid li kien sorprendenti l-fatt illi operazzjoni li kienet ser timpatta b’mod kruċjali lill-finanzi tal-pajjiż, ma kienx involut fiha l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.
Il-Bord afferma li l-Gvern falla fil-mentalità tal-business fejn kull proġett maġġuri inizjat mill-Gvern tal-Labour spiċċa kellu dellijiet ta’ irregolaritajiet, abbuż ta’ poter u korruzzjoni. Allegazzjonijiet li jimplikaw li negozjanti involuti f’dawn il-proġetti għamlu jew kienu intenzjonati li jagħmlu qligħ minn fuq dahar il-poplu anki f’xi okkażjonijiet id f’id ma’ personaġġi politiċi ewlenin involuti fit-twettieq tal-istess proġetti.
Il-proġett tal-Electrogas hu wieħed minn dawn il-proġetti li dwaru l-Awditur Ġenerali esprima riservi kbar dwar ir-regolarità tal-proċeduri.
Il-Bord baqa’ mbellah jisma’ per eżempju kif Paul Apap Bologna, eks Direttur tal-Electrogas sab ruħu għal xi żmien membru tal-Awtorità tal-Ippjanar meta kien hu stess li ammetta li ma kellu l-ebda esperjenza fl-ippjanar u ma jafx kif sab ruħu hemm.
Mill-Inkjesta Pubblika, irriżulta li l-Electrogas ma kienx l-uniku proġett inkwinat f’sistema intiża biex jinħolqu abbużi. Sistema li “spiċċat biex imminat kull regola ta’ governanza tajba li tassigura t-trasparenza u l-kontabilità. Sistema li spiċċat biex tat lok għal abbużi gravi.”
L-Electrogas, kien forsi eżempju klassiku ta’ dan l-inkwinament għaliex kien jinvolvi proġett ewlieni tal-gvern li kien impenjat li jirrealizzah fl-iqsar żmien possibbli wara l-elezzjoni.
Bir-rivelazzjonijiet tagħha, Daphne Caruana Galizia kienet qed tikxef dawn is-sistemi u l-inkjesta tgħid li kienet qed “tipperikola ‘sistema’ komda li minnha l-persuni involuti kienu qegħdin jakkwistaw vantaġġi kbar u kienu qed jippjanaw aktar għall-futur.”
Il-verita’ hi illi l-iskandli seħħew għaliex kien hemm persuni li approfittaw ruħhom mill-politika biex iħaxxnu bwiethom jiddikjara l-Bord tal-Inkjesta fir-rapport konklussiv.
Intant, fl-aħħar jiem Net News bagħat sensiela ta’ domandi lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa’ fejn għall-mistoqsija: Dwar jekk bdietx investigazzjoni tal-Pulizija wara l-konklużjonijiet tar-rapport tal-NAO dwar l-Electrogas, ingħatajna risposta li “hemm għaddejjin investigazzjonijiet tal-Pulizija u/jew Inkjesti Magisterjali u għaldaqstant ma jkunx prudenti li tingħata informazzjoni dwarhom f’dan l-istadju.”
//= $special ?>