Lokali

“Ma flaħtx aktar bl-indħil li kelli” – Mark Lawrence Zammit

F’post fuq Facebook Mark Lawrence Zammit, l-preżentatur tal-programm ‘l-Erbgħa fost il-Ġimgħa’ jikkonferma li  mhux se jibqa’ immexxi u jippreżenta dan il-programm. Huwa qal li ħa din id-deċizzjoni ferm iebsa minħabba li fix-xhur li għaddew kellu ħafna ndħil mill-PBS, liema ndħil ma kienx qed iħallih fil-libertà li jaħdem skont il-prinċipji ġurnalistiċi tiegħu, u kien ċar li qed ifixkel il-lealtà tiegħu lejn l-udjenza. Huwa tenna li l-lealtà tiegħu kienet, għadha u tibqa’ lejn il-Poplu, u mhux lejn il-poter politiku.

Huwa stqarr li “din hija l-aktar deċiżjoni iebsa ta’ ħajti, għax din kienet l-aktar ħolma kbira ta’ ħajti. Imma anke l-akbar ħolma ssir ħmar il-lejl jekk ma tgħixhiex fis-sewwa mal-kuxjenza.”

Mark Zammit Lawrence qal li ser ikompli b’xogħlu ma’ Times of Malta minn għada t-Tnejn, għaliex jemmen li din l-organizzazzjoni għandha ġurnalisti li qed jaħdmu għall-ġustizzja u l-verità.

Fl-aħħar nett, huwa irringrazzja lit-team kollu li għenu jagħmel il-programm u lill-kumpanija WE Media, li kienu huma l-ewwel li emmnu fih, u baqgħu jagħtuħ l-ispazju sabiex jaħdem u jikber. Filwaqt li rringrazzja wkoll lill-eluf ta’ nies li segwew il-programm ta’ kull ġimgħa.

Intant b’reazzjoni għal dan permeżż ta’ post fuq Facebook u Instagram, il-Kap tal-PN saħaq li wara l-Imħallfin din il-ġimgħa sabu lill-PBS ħati ta’ nuqqas ta’ imparżjalita’ li saħħqet l-impunita’ li wasslet għal qtil politiku, kif ukoll ftit tal-jiem wara, Robert Abela kompla jdgħajjef il-ġurnaliżmu u l-istituzzjoni tal-PBS, dan mhux aċċettabbli u Robert Abela ser isib il-Partit Nazzjonalista jiqaflu.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jikkunsidra l-għażliet kollha, inkluża azzjoni legali, biex iżomm lill-Gvern milli joħnoq istituzzjoni oħra u jużaha għall-iskopijiet partiġjan tiegħu.