Lokali

“Partit li jżomm il-bżonnijiet tan-nies fuq quddiem nett” – Peter Agius

“Ir-relazzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-poplu għaddiet minn trawma, bil-poplu għadu mhux jafdana biżżejjed… iżda l-Partit kollu qed jaħdem biex jerġa’ ireġġa’ lura l-fiduċja tal-poplu.”

Kien dan il-messaġġ ta’ Peter Agius, li ftit tal-jiem ilu ġie maħtur Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll Koordinatur tal-Messaġġ Politiku tal-Partit.

F’intervista li saritlu mill-gazzetta illum, huwa faħħar ix-xogħol li qed isir mill-Kap tal-PN Bernard Grech hekk kif qed jaħdem bi trasparenza assoluta filwaqt li qed jinvolvi l-aspett uman.

Peter Agius qal li l-għan tal-Partit hu li jagħraf il-bżonnijiet u l-valuri tan-nies. B’kuntrast mal-Gvern attwali, huwa qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed hemm biex jisma’ u jitkellem mal-poplu kollu, minflok jipprova jixtrihom jew jgħalqilhom ħalqhom.

Peter Agius kompla jgħid li l-Deputati u l-Kandidati kandidati f’isem il-Partit Nazzjonalista ta’ kuljum qed jitkellmu mal-poplu kollu biex jifhmu l-isfidi li għaddejjin minnhom.

Huwa kompla jgħid li mhux l-ewwel darba li fil-midja jkun hemm żbilanċ straordinarju, fejn l-ideat tal-Gvern jingħataw prijorità assoluta, bil-kummenti tal-Kap tal-PN jitpoġġew wara elenku ta’ aħbarijiet li jitrattaw lill-Ministri.

Peter Agius żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista għandu ideat tajbin li l-għan aħħari tagħhom hu li jmexxu lil Malta ‘l quddiem u pajjiżna jerġa’ jikseb lura r-reputazzjoni u dinjità li tant tixraqlu.