Lokali

Raġel li allegatament kien qed jittraffika d-droga ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest

Traffikant suspettat tad-droga li ngħata l-libertà proviżorja wara l-estradizzjoni tiegħu lejn Malta fl-2018, inżamm taħt arrest il-Ħadd wara akkużi ġodda ta’ traffikar tad-droga.

Rosario Caruso Sqalli ta’ 48 sena, residenti l-Gżira, baqa’ jinżamm arrestat wara li l-Qorti rat li l-akkużat mhuwiex bniedem affidabbli.

Caruso huwa mixli li kellu fil-pussess tiegħu ħmistax-il gramma droga li hija suspettata li kienet għall-użu tat-traffikar. Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.

Caruso ġie arrestat f’residenza tiegħu fi Triq Sir Charles Cameron wara sorveljanza mill-pulizija.

Lura fl-2014 Caruso kien ġie arrestat wara li nqabad b’aktar minn sitt kilogrammi kannabis fl-ajruport. Sussegwentement ingħata l-libertà proviżorja iżda kien ħarab u nġieb lura Malta fl-2018. Filwaqt li komplew il-proċeduri kriminali kontriħ, għal darb’oħra ngħata l-libertà proviżorja.

Fil-Qorti l-Ħadd, l-avukati difensuri Franco Debono u Marion Camilleri għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest, bl-argument li l-akkużat kien għadu preżunt innoċenti f’dan l-istadju, iżda il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech iddikjarat li l-akkużat ma kienx meqjus affidabbli biżżejjed u ċaħdet il-libertà proviżorja.