“Responsabbilita’ tal-Entitajiet tal-iStat” – hekk tgħid il-konklużjoni tal-Inkjesta Pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Iżda, f’intervista fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, Robert Abela deher biċ-ċar li injora din il-parti konklussiva tar-rapport għaliex qal “ir-rapport tal-inkjesta jsemmi b’mod tajjeb il-ħidma tal-istituzzjonijiet”
Robert Abela uża l-intervista tal-Ħadd biex jipprova jqarraq jew inessi dak li verament ħareġ mill-Inkjesta. Filfatt, il-konklużjoni tgħid li “l-iStat għandu jerfa’ r-responsabbilita’ għall-assassinju billi kkrea atmosfera ta’ impunita’, ġenerata mill-għola livelli fil-qalba tal-amministrazzjoni f’Kastilja u bħal qarnita infirxet għal entitajiet oħra bħal istituzzjonijiet regolatorji u l-Pulizija li wassal għall-kollass tas-saltna tad-dritt.” Totalment il-kontra ta’ dak li qal il-Prim Ministru fuq One Radio.
Imma dan ma kienx l-uniku kumment ta’ Robert Abela dwar il-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika għaliex hu saħaq ukoll li l-Gvern għandu l-prijoritajiet tiegħu tajbin. Pero, il-konklużjoni tal-inkjesta tgħid li “l-iStat u l-entitajiet li kkomponewh ma għarafx kif kellu jagħraf ir-riskju reali u immedjat, inkluż mill-aġir kriminali ta’ terzi għall-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia; u naqas milli jieħu miżuri fi ħdan il-firxa tas-setgħat tiegħu li, b’ġudizzju raġonevoli, kien mistenni minnu li jieħu biex jevita dak ir-riskju.”
Intant, matul din l-intervista, il-Prim Ministru saħaq li se jirranġa dak li sar ħażin, jew li se jbiddel fejn seta’ sar aħjar. Pero fl-ebda ħin baqa’ ma ċaħad lil Joseph Muscat, li dwaru r-rapport tal-injesta jitkellem fit-tul… lanqas ma qal x’responsabiltà se tintrefa’ mill-Gvern tiegħu jew mill-ħafna membri tal-Kabinett li kienu parti mill-Gvern meta seħħ l-assassinju u għadhom fit-tmexxija tal-pajjiż sal-lum.
//= $special ?>