Lokali

Aktar fake news u gideb mill-Partit Laburista

Gideb u fake news.

Din hija l-istrateġija tas-soltu li reġa applika l-Gvern Laburista wara li għal darb’oħra spiċċa f’rokna dahru mal-ħajt hekk kif ġiet żvelat ir-relazzjoni tal-Ministru Edward Zammit Lewis mas-sid tal-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech. Dan wara li l-Ministru fil-Kabinett ta’ Robert Abela kien jibgħat messaġġi lil Fenech ….ankè wara konferenza stampa li għamel l-istess Zammit Lewis biex jattakka lill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dwar 17 Black. Apparti l-fatt li kien ukoll ddeskriva lill-votant Laburist bħala Ġaħan.

Għaldaqstant biex jipprovaw inessu dan kollu – l-imħuħ wara l-istrateġija tal-Lejber iddeċidew li joħorġu stqarrija mingħalihom jattakkaw lil Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech rigward Yorgen Fenech – stqarrija fattwalment fażulla, qarrieqa u giddieba.

Dan hekk kif Bernard Grech meta kien mistoqsi dwar l-allegat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, dejjem insista li jekk ma jkunx hemm mod ieħor..u jekk l-informazzjoni li jkun lesti jagħti Yorgen Fenech twassal għal arresti oħra…. lest jikkunsidra l-proklama.

Diskors identiku li ghamel is-suċċessur ta’ Joseph Muscat, issa l-Mexxej Laburista Robert Abela, fl-ewwel konferenza tal-aħbarijiet li għamel fil-kampanja għal-Leadership tal-Lejber f’Diċembru tal-2019….ftit jiem wara li Muscat kien sfurzat jirrizenja.

Għaldaqstant huwa tassew kunfliġġenti kull diskors fejn il-Partit Laburista qed jipponta subajgħ lejn xi ħadd u jgħid li m’huwiex kredibbli, meta f’dan il-każ qed jipponta lejn diskors il-Mexxej tiegħu stess.